Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola

Għaliex is-suċċess fl-iskola huwa importanti?

L-edukazzjoni skolastika għandha rwol kruċjali fil-promozzjoni ta’ soċjetajiet inklużivi, aktar ġusti u aktar prosperużi billi tgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ kollha jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Tgħin ukoll biex jiġu żviluppati l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jiffjorixxu fil-ħajja u jsiru individwi attivi, responsabbli, reżiljenti u impenjati li jkomplu jitgħallmu tul ħajjithom kollha. 

L-iżgurar ta’ aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva għal kulħadd u li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mgħammra bil-kompetenzi li jeħtieġu fil-ħajja jgħin biex is-soċjetajiet ikunu ugwali u l-ekonomiji jkunu aktar prosperi. 

Il-ħakma tal-ħiliet bażiċi (il-qari, il-matematika u x-xjenza) hija ta’ importanza fundamentali għall-progress akkademiku u l-prospetti futuri tal-istudenti. 

Il-ħiliet u l-kompetenzi li jinkisbu fl-edukazzjoni sekondarja għolja qed jitqiesu dejjem aktar bħala l-kredenzjali minimi għal dħul b’suċċess fis-suq tax-xogħol u l-pedamenti għal ħajja sodisfaċenti u b’saħħitha.

Il-qagħda bħalissa

Minkejja l-importanza tal-ħiliet bażiċi, fl-Unjoni Ewropea (UE) persuna minn kull ħamsa ta’ 15-il sena għad m’għandhiex biżżejjed kompetenzi fil-qari, il-matematika jew ix-xjenza (stħarriġ PISA tal-OECD, 2018). 

Il-persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ jirrappreżentaw madwar 10% taż-żgħażagħ fl-UE u 84.3% biss ta’ dawk bejn l-20 u l-24 sena lestew l-edukazzjoni sekondarja għolja (Eurostat, 2020). 

L-isfond soċjoekonomiku u dak kulturali huma l-aktar determinanti b’saħħithom tal-eżiti edukattivi tal-istudenti. 

It-tfal minn żoni u familji aktar foqra jmorru agħar fl-iskola meta mqabbel ma’ sħabhom tal-iskola aktar privileġġjati.

Bl-istess mod, il-proporzjon ta’ dawk li ma jilħqux biżżejjed ħiliet bażiċi fost l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni huwa ħafna ogħla minn dak fost il-pari li twieldu fil-pajjiż. 

Hemm ċans akbar li dawk bi sfond ta’ migrazzjoni jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien mingħajr ma jiksbu ħiliet bażiċi.

Barra minn hekk, hemm sinjali inkwetanti (stħarriġ PISA tal-OECD, 2018) li l-benessri tal-istudenti u s-sens ta’ appartenenza fl-iskola qed jonqsu u li l-bullying huwa mifrux, b’effetti detrimentali fuq l-iżvilupp tal-istudenti u l-kisba edukattiva.

X’qed tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet?

Biex tippromwovi l-kooperazzjoni politika bejn l-Istati Membri tal-UE biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattiva ġdida, “Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola”.

Din tgħaqqad flimkien strumenti differenti – mill-gwida politika għat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, sa inċentivi finanzjarji – biex tiġi stimulata r-riforma tal-politika. 

B’mod partikolari, fl-2022 il-Kummissjoni se tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. Ir-Rakkomandazzjoni se titlob strateġiji u azzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, koerenti u kollaborattivi kontra n-nuqqas ta’ suċċess u t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. 

L-Istati Membri se jiġu mħeġġa jsaħħu l-iżvilupp ta’ politiki komprensivi, li jindirizzaw il-livelli kollha tal-edukazzjoni skolastika – l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC), l-edukazzjoni primarja u sekondarja (baxxa u għolja) u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET). 

Huma se jiġu mistiedna jpoġġu enfasi qawwija fuq il-monitoraġġ, il-prevenzjoni (inkluża l-motivazzjoni tal-istudenti) u l-intervent, li għandhom jiġu kkombinati ma’ miżuri li jappoġġjaw lil dawk li telqu mill-edukazzjoni mingħajr kwalifika sekondarja għolja, bħal programmi edukattivi tat-tieni opportunità.

Il-politiki għandhom ikunu bbażati fuq kollaborazzjoni transsettorjali b’saħħitha u jinvolvu partijiet ikkonċernati minn oqsma ta’ politika differenti, bħaż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport, il-politika soċjali/dwar il-benessri, l-impjiegi u s-saħħa. 

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Ir-Rakkomandazzjoni, inizjattiva taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, se tindirizza d-dimensjonijiet li ġejjin

  • il-governanza u t-tmexxija tal-iskejjel, inkluża l-assigurazzjoni tal-kwalità
  • l-ambjenti ta’ tagħlim – kurrikuli, valutazzjoni, appoġġ u għodod immirati, tranżizzjonijiet bejn il-livelli edukattivi
  • l-istudenti u l-klima tat-tagħlim b’enfasi fuq il-benessri tal-istudenti u l-interazzjoni pożittiva li tħaddan id-diversità u l-benessri tal-istudenti fl-iskola
  • it-tisħiħ tar-rwol tal-għalliema fl-indirizzar tal-iżvantaġġ edukattiv
  • l-involviment tal-ġenituri u tal-familji fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fl-attivitajiet skolastiċi
  • il-kollaborazzjoni fl-iskejjel u madwarhom mal-partijiet ikkonċernati u l-komunità usa’

Kronoloġija 

Bħalissa għaddejja ħidma biex titħejja l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. 

Se ssir konsultazzjoni pubblika (li tibda f’Ġunju 2021) biex jinġabar l-input u jinstemgħu l-opinjonijiet tal-individwi u l-organizzazzjonijiet interessati. 

Qed tiġi organizzata wkoll sensiela ta’ avvenimenti ta’ konsultazzjoni ma’ organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u l-ambjent. 

Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill se tiġi adottata mill-Kummissjoni fl-2022 u ppreżentata lill-ministri tal-edukazzjoni tal-UE fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jiddiskutuha u jadottawha. 

Il-programm Erasmus+

L-edukazzjoni inklużiva u t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ huma wkoll ċentrali għall-programm Erasmus+ il-ġdid. 

Ir-Rakkomandazzjoni se tkun akkumpanjata mill-“Għodod Ewropej għall-Iskejjel: Il-promozzjoni ta’ edukazzjoni inklużiva u l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola”.

Kontenut relatat

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Il-politika dwar it-tluq bikri mill-iskola

Għodod Ewropej għall-Iskejjel: Il-promozzjoni ta’ edukazzjoni inklużiva u l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola

Il-programm Erasmus+