X’inhu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali?
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) hu inizjattiva ta’ politika mġedda tal-Unjoni Ewropea (UE) biex tappoġġja l-adattament sostenibbli u effettiv tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri tal-UE għall-era diġitali.
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali:
- joffri viżjoni strateġika fit-tul għal edukazzjoni diġitali Ewropea ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli
- jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-pandemija tal-COVID-19, li wasslet għall-użu bla preċedent tat-teknoloġija għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ
- ifittex kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell tal-UE dwar l-edukazzjoni diġitali u jenfasizza l-importanza ta’ ħidma flimkien fis-setturi kollha biex l-edukazzjoni tiddaħħal fl-era diġitali
- jippreżenta opportunitajiet, inklużi l-kwalità u l-kwantità mtejba tat-tagħlim rigward it-teknoloġiji diġitali, l-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-metodi tat-tagħlim u l-pedagoġiji u l-provvista tal-infrastruttura meħtieġa għal apprendiment remot inklużiv u reżiljenti
Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi żewġ oqsma ta’ prijorità:
- It-trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja
Dan jinkludi:
- infrastruttura, konnettività u tagħmir diġitali
- ippjanar u żvilupp effettiv tal-kapaċità diġitali, inklużi kapaċitajiet organizzattivi aġġornati
- għalliema u staff tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitalment kompetenti u kunfidenti
- kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja, għodod faċli għall-utent u pjattaformi siguri li jirrispettaw ir-regoli tal-privatezza elettronika u l-istandards etiċi
- Tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali
Dan jirrikjedi:
- ħiliet u kompetenzi diġitali bażiċi minn età bikrija
- litteriżmu diġitali, inkluż l-immaniġġjar tad-diżinformazzjoni
- edukazzjoni informatika
- għarfien u fehim tajjeb tat-teknoloġiji intensivi fid-data, bħall-intelliġenza artifiċjali (IA)
- ħiliet diġitali avvanzati, li jipproduċu aktar speċjalisti diġitali
- żgurar li l-bniet u n-nisa żgħażagħ ikunu rappreżentati b’mod ugwali fl-istudji u l-karrieri diġitali
Għaliex hemm bżonn ta’ azzjoni?
It-trasformazzjoni diġitali ttrasformat is-soċjetà u l-ekonomija b’impatt dejjem akbar fuq il-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, sal-pandemija tal-COVID-19, l-impatt tagħha fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ kien ħafna aktar limitat.
Il-pandemija wriet li hu essenzjali li jkun hemm sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ li tkun adattata għall-era diġitali.
Filwaqt li l-COVID-19 uriet il-ħtieġa għal livelli ogħla ta’ kapaċità diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, hi wasslet ukoll għall-amplifikazzjoni ta’ numru ta’ sfidi u inugwaljanzi eżistenti bejn dawk li għandhom aċċess għat-teknoloġiji diġitali u dawk li ma għandhomx, inklużi individwi minn ambjenti żvantaġġati.
Il-pandemija żvelat ukoll numru ta’ sfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ relatati mal-kapaċitajiet diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-taħriġ tal-għalliema u l-livelli ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali.
Iċ-ċifri jitkellmu waħedhom:
- studju tal-2018 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sab li bħala medja anqas minn 40% tal-edukaturi fl-UE kollha ħassew li kienu lesti jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim, b’diverġenzi bejn l-Istati Membri tal-UE
- Aktar minn terz ta’ dawk bejn it-13 u l-14-il sena li pparteċipaw fl-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuters u l-Informazzjoni ( ICILS) fl-2018 ma kellhomx l-aktar livell bażiku ta’ profiċjenza fil-ħiliet diġitali
- kwart tal-unitajiet domestiċi bi dħul baxx ma għandhomx aċċess għall-kompjuters u l-broadband, b’diverġenzi fl-UE kollha affettwati mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi (Eurostat, 2019)
Il-pandemija aċċellerat ix-xejra eżistenti lejn it-tagħlim online u dak ibridu.
Din il-bidla kixfet modi ġodda u innovattivi għall-istudenti u l-edukaturi biex jorganizzaw l-attivitajiet ta’ tagħlim tagħhom u biex jinteraġixxu b’mod aktar personali u flessibbli online.
Dawn il-bidliet jeħtieġu sforz b’saħħtu u kkoordinat fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġjati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati u eżasperati mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tiġi ppreżentata viżjoni fit-tul għat-triq ’il quddiem għall-edukazzjoni diġitali Ewropea.
Kuntest politiku
Il-ħtieġa għal Pjan ta’ Azzjoni ġdid, li jibni fuq l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2018-2020) ġiet espressa fil-Linji Gwida Politiċi tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-President Ursula von der Leyen, f’Lulju 2019.
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali mġedded jikkontribwixxi għall-prijorità tal-Kummissjoni “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” u għan-Next Generation EU. Hu jappoġġja wkoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandha l-għan li toħloq Unjoni Ewropea aktar ekoloġika, aktar diġitali u reżiljenti.
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali hu faċilitatur ewlieni għat-twettiq tal-viżjoni tal-kisba ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. Dan jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Soċjali Ewropew u l-“Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”.
Konsultazzjoni pubblika miftuħa
Minn Lulju sa Settembru 2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika miftuħa biex tiġbor il-fehmiet u l-esperjenzi taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kollha mis-setturi pubbliċi u privati dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-bidla relatata għat-tagħlim mill-bogħod u online u l-viżjoni tagħhom għall-futur tal-edukazzjoni diġitali fl-Ewropa.
Il-konsultazzjoni pubblika enfasizzat li:
- kważi 60% ta’ dawk li wieġbu ma kinux użaw it-tagħlim mill-bogħod u online qabel il-kriżi
- 95% iqisu li l-pandemija tal-COVID-19 timmarka punt ta’ bidla għal kif it-teknoloġija tintuża fl-edukazzjoni u t-taħriġ
- dawk li wieġbu esprimew li r-riżorsi u l-kontenut tat-tagħlim online jeħtieġ li jkunu aktar rilevanti, interattivi u faċli biex jintużaw u ma jiddependux mir-riżorsi finanzjarji ta’ belt jew muniċipalità
- aktar minn 60% ħassew li kienu tejbu l-ħiliet diġitali tagħhom matul il-kriżi, b’aktar minn 50% iwieġbu li jixtiequ jibnu fuqhom
B’total ta’ aktar minn 2,700 tweġiba minn 60 pajjiż u 127 dokument ta’ pożizzjoni ppreżentati, il-konsultazzjoni għenet biex tinforma l-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali mġedded, li ġie adottat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji fit-30 ta’ Settembru 2020.
Azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali
Il-Pjan tal-Edukazzjoni Diġitali jippreżenta l-azzjonijiet li ġejjin għall-perjodu 2021-2027:
Priorità 1: Trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja
- Azzjoni 1: Djalogu Strateġiku mal-Istati Membri dwar il-fatturi abilitanti għal edukazzjoni diġitali ta’ suċċess
- Azzjoni 2: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar tagħlim imħallat għall-edukazzjoni primarja u sekondarja
- Azzjoni 3: Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali
- Azzjoni 4: Konnettività u tagħmir diġitali għall-edukazzjoni
- Azzjoni 5: Pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- Azzjoni 6: Intelliġenza artifiċjali u l-użu tad-data fl-edukazzjoni u t-taħriġ
Priorità 2: Tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali
- Azzjoni 7: Linji gwida komuni għall-għalliema u l-edukaturi biex jitrawwem il-litteriżmu diġitali u tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- Azzjoni 8: Aġġornament tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali biex jinkludi l-IA u l-ħiliet relatati mad-data
- Azzjoni 9: Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali (EDSC)
- Azzjoni 10: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-għoti ta’ ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ
- Azzjoni 11: Ġbir transnazzjonali ta’ data dwar il-ħiliet diġitali tal-istudenti u l-introduzzjoni ta’ mira tal-UE għall-kompetenza diġitali tal-istudenti
- Azzjoni 12: Opportunitajiet ta’ Traineeships fil-Qasam Diġitali
- Azzjoni 13: Parteċipazzjoni tan-nisa fis-STEM
- Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali
Iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali
Biex tappoġġja ż-żewġ oqsma ta’ prijorità, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju fl-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-UE.
L-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) jibni fuq l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2018-2020), li kellu l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:
- użu aħjar tat-teknoloġija diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment
- żvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet diġitali
- titjib tal-edukazzjoni b’analiżi u tbassir aħjar tad-data
Ikkuntattjana
Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali hu kkoordinat mill-unità tal-Edukazzjoni Diġitali tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC).
Biex issir taf aktar dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, ikkuntattjana b’email fuq
EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu.
Segwi lill-@EUDigitalEdu fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u l-azzjonijiet tiegħu.
Immaġni tal-header: © Unjoni Ewropea, 2021.