X'inhi l-problema?
It-tluq bikri mill-iskola hu marbut mal-qgħad, l-esklużjoni soċjali, il-faqar u s-saħħa dgħajfa. Hemm bosta raġunijiet għala xi żgħażagħ jabbandunaw l-edukazzjoni u t-taħriġ qabel iż-żmien: problemi personali jew familjari, diffikultajiet fit-tagħlim, jew qagħda soċjoekonomika fraġli. Il-mod kif is-sistema edukattiva hi stabbilita, l-ambjent fl-iskola u r-relazzjonijiet bejn l-għalliema u l-istudenti huma wkoll fatturi importanti.
Peress li ħafna drabi jkun hemm raġunijiet kumplessi u interkonnessi għala t-tfal li ma jispiċċawx l-edukazzjoni sekondarja, il-politiki biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola jridu jindirizzaw firxa ta’ kwistjonijiet u għandhom jgħaqqdu flimkien l-edukazzjoni u l-politika soċjali, il-ħidma maż-żgħażagħ u l-aspetti relatati mas-saħħa. Xi wħud minn dawn l-isfidi huma deskritti f’infografika pprovduta mill-Kummissjoni.
X'sar s'issa?
- Il-pajjiżi tal-UE impenjaw ruħhom biex inaqqsu l-kwota medja ta' dawk li jabbandunaw l-iskola qabel iż-żmien għal anqas minn 10% sal-2020. Il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jipprovdi data u analiżi dwar tendenzi tat-tluq bikri mill-iskola fl-UE u l-Istati Membri kollha.
- Il-ministeri tal-edukazzjoni tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politiki biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola. Din stipulat qafas għal politiki koerenti, komprensivi u bbażati fuq l-evidenza. Huma qablu li jikkollaboraw biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u tagħrif dwar modi effettivi biex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola.
- Grupp ta’ ħidma dwar it-tluq bikri mill-iskola fela eżempji ta’ prattiki tajbin fl-Ewropa u skambja esperjenzi fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola. Ir-rapport finali jiddeskrivi 12-il messaġġ ewlieni għal dawk li jfasslu l-politika u jittraduċihom f’għodod prattiċi permezz ta’ lista ta’ kontroll ta’ politiki komprensivi u anness b’eżempji ta’ prattika minn diversi pajjiżi tal-UE.
- Il-Kummissjoni organizzat konferenza dwar politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola. Sena wara, ġew eżaminati mill-ġdid l-iżviluppi tal-politika fi tmien pajjiżi tal-UE.
- Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Politika tal-Iskejjel ħoloq sett ta’ messaġġi ta’ politika li jidentifikaw kundizzjonijiet ewlenin għall-implimentazzjoni ta’ approċċ skolastiku sħiħ biex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola, kif ukoll Għodod Ewropej online għall-Iskejjel.
- Il-Kunsill adotta wkoll il-Konklużjonijiet dwar it-tnaqqis fit-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola.
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat valutazzjoni tal-effettività tal-politiki u l-prattiki żviluppati mill-2011 ’l hawn fil-livelli tal-UE u dak nazzjonali biex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola f’37 pajjiż Ewropew.
L-istudju juri li l-impatt tal-istrumenti tal-politika tal-UE hu ġeneralment pożittiv fil-pajjiżi kollha eżaminati. Bħala medja, ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola naqset minn 13.4% fl-2011 għal 10.2% fl-2019 fl-Ewropa kollha.
Madankollu, għad hemm differenzi konsiderevoli bejn il-pajjiżi u d-demografija ma’ persuni li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni, u l-irġiel żgħażagħ u dawk li jgħixu f’żoni rurali huma aktar probabbli li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom qabel ma jitilqu mill-iskola obbligatorja.
Azzjoni ulterjuri hi, għalhekk, meħtieġa biex tiġi indirizzata din it-tendenza kumplessa u li qed tevolvi. L-istudju jqabbel għażla ta’ prattiki tajba fil-livell nazzjonali u jipprovdi sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet biex jiġi infurmat l-iżvilupp futur tal-politika f’dan il-qasam. Għal aktar informazzjoni, ara t-taqsira eżekuttiva tal-istudju u l-video School Education Gateway dwar it-tluq bikri mill-iskola.
Inizjattiva Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola
Fil-Komunikazzjoni dwar “Il-Ksib taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025”, il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva ġdida - il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola. L-inizjattiva se tgħin lill-istudenti kollha biex jilħqu livell bażi ta’ profiċjenza fil-ħiliet bażiċi.
L-inizjattiva se tindirizza tliet sfidi:
- tagħti liż-żgħażagħ kollha ċ-ċans li jilħqu ċertu livell ta’ profiċjenza fil-ħiliet bażiċi
- timminimizza n-numru ta’ żgħażagħ li jitilqu mill-edukazzjoni mingħajr tal-anqas lawrja sekondarja għolja
- tiżgura l-benesseri tal-istudenti fl-iskola.
Fir-rebbiegħa tal-2021 se ssir konsultazzjoni pubblika miftuħa biex tiġbor il-fehmiet tiegħek dwar l-inizjattiva l-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola.
Għodod Ewropej għall-Iskejjel
L-Għodod Ewropew għall-Iskejjel joffru lil dawk li jfasslu l-politika u lill-prattikanti rikkezza ta’ riżorsi u eżempji prattiċi ta’ prattiki effettivi biex ikun promoss is-suċċess edukattiv u jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola.
L-Għodod huma organizzati madwar ħames oqsma tematiċi li huma l-kundizzjonijiet ewlenin għal approċċ skolastiku sħiħ għat-tluq bikri mill-iskola. Kull qasam hu elaborat aktar fl-Għodod u kkumplementat b’eżempji u miżuri prattiċi. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-Għodod fil-folja ta’ informazzjoni.