Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Multilingwiżmu bħala kompetenza ewlenija

Il-multilingwiżmu hu wieħed mit-tmien kompetenzi ewlenin meħtieġa għas-sodisfazzjon personali, stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa u sostenibbli, l-impjegabbiltà, iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali, kif deskritt mill-Istati Membri tal-UE fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

Madankollu, hemm wisq żgħażagħ Ewropej li jħallu l-iskola mingħajr għarfien ta’ lingwa oħrajn.

L-istħarriġ tal-UE tal-2011-12 dwar il-ħiliet lingwistiċi (li sar f’14-il Stat Membru) wera li

  • 42% tal-studenti ta' 15-il sena ttestjati kienu kisbu livell ta' "utent indipendenti" (B1/B2 skont il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi) fl-ewwel lingwa barranija tagħhom.
  • 25% kienu leħqu dan il-livell fit-tieni lingwa barranija.
  • 14% tal-istudenti ma kellhomx għarfien bażiku f'lingwa barranija waħda.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-UE stabbilixxiet l-objettiv li ttejjeb it-tagħlim tal-lingwi f’età bikrija bħala prijorità ewlenija. Fit-22 ta’ Mejju 2019, il-ministri għall-edukazzjoni fl-UE adottaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi.

L-importanza tat-tagħlim bikri tal-lingwi hi enfasizzata wkoll fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja.   

Tisħiħ tal-kompetenzi lingwistiċi

L-istrateġija fil-livell tal-UE għat-tisħiħ tal-apprendiment tal-lingwi hi stabbilita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. Fir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri qablu li jaħdmu biex

  • jagħtu spinta lit-tagħlim tal-lingwi sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja billi jgħinu liż-żgħażagħ kollha jiksbu kompetenza f’mill-anqas lingwa Ewropea oħra minbarra l-lingwa/i tal-iskola tagħhom
  • jinkoraġġixxu l-kisba ta’ (it-tielet) lingwa addizzjonali sa livell li jippermettilhom jinteraġixxu bi grad ta’ ħila mkejjel mal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi tal-Kunsill jew tal-Ewropa (QKERL)
  • jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ approċċi komprensivi għat-titjib tat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u skolastiku
  • jiġi introdott fl-edukazzjoni u t-taħriġ il-kunċett ta’ għarfien tal-lingwa, li jipprovdi qafas inklużiv għat-tagħlim tal-lingwi filwaqt li jitqiesu l-ħiliet lingwistiċi tal-individwi
  • jiġi żgurat li aktar għalliema tal-lingwa jkollhom l-opportunità li jitgħallmu u jistudjaw barra minn pajjiżhom
  • l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi, inklużivi u multilingwi bl-użu ta’ għodod u pjattaformi fil-livell tal-UE, bħall-School Education Gateway u l-eTwinning

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni jipprovdi l-isfond xjentifiku u fattwali tar-Rakkomandazzjoni.

Klassijiet multilingwi

Fl-UE, it-tfal migranti jġibu numru kbir ta’ lingwi u ħiliet lingwistiċi fil-klassi. Dan huwa vantaġġ potenzjali għall-individwu, l-iskejjel u s-soċjetà.

Filwaqt li ċ-ċifri jvarjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri tal-UE – minn 1% fil-Polonja għal 40% fil-Lussemburgu – fl-UE kollha kemm hi, ftit anqas minn 10 % tal-istudenti kollha jitgħallmu b’lingwa differenti mil-lingwa materna tagħhom. 

Dan iqajjem il-kwistjoni dwar kif l-aħjar jiġi sfruttat il-potenzjal li jinsab fid-diversità lingwistika tal-UE. Hemm evidenza li t-tfal migranti b’mod ġenerali ma jmorrux tajjeb fil-ħiliet bażiċi daqs sħabhom. 

L-iskejjel għandhom jadattaw il-metodi ta' tagħlim biex jirrelataw mal-isfondi lingwistiċi u kulturali tat-tfal b’mod pożittiv biex b’hekk dawn l-istudenti jkunu jistgħu jirnexxu fl-iskola.

It-temi tad-diversità lingwistika fl-iskejjel, il-klassijiet multilingwi u l-bini tal-għarfien tal-lingwi fl-iskejjel huma integrati aktar fl-inizjattiva l-ġdida Perkorsi għas-suċċess tal-iskola.

 

Kontenut relatat