Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Titjib tal-kwalità u l-ekwità - inizjattivi

Iċ-ċittadini kollha fl-Unjoni Ewropea għandhom id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità għolja u inklużivi, kif stabbilit mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Għaliex huma importanti l-kwalità u l-ekwità?

L-importanza tal-ekwità

Edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità għolja u l-promozzjoni ta’ dimensjoni Ewropea għat-tagħlim li jrawwem valuri komuni huma ta’ importanza kbira għall-ħolqien u ż-żamma ta’ soċjetà Ewropea koeżiva li tixpruna t-tkabbir sostenibbli. 

Madankollu, l-esperjenzi edukattivi tal-individwi madwar l-Ewropa jsegwu xejriet soċjali. Studenti minn sfondi żvantaġġati b’mod sproporzjonat ma jilħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dawk li jgħixu f’żoni rurali spiss jaqgħu lura. 

Is-sessiżmu u l-fastidju sesswali jkomplu jfixklu l-esperjenzi edukattivi, b’mod partikolari għan-nisa u l-bniet. Hemm ukoll disparità persistenti bejn il-ġeneri f’oqsma ta’ studju, bħall-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni – b’26% biss studenti nisa – u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) – b’18% biss studenti nisa (Studju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u l-Informazzjoni, 2018). 

Irridu naġixxu biex l-inugwaljanzi nindirizzawhom mis-snin bikrin u biex l-istatus soċjali, ekonomiku u kulturali, l-isfond etniku u razzjali ma jibqax jikkomprometti x'wieħed jista' jikseb bħala livell ta' edukazzjoni u bħala riżultati.. 

L-importanza tal-kwalità

Edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja se jipprovdu liċ-ċittadini bl-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet li jeħtieġu biex jirnexxu u biex jiżguraw ir-reżiljenza ekonomika u l-prosperità soċjali tal-Ewropa. Dan jinkludi l-ħtieġa li wieħed ikun tajjeb fil-kompetenzi ewlenin, inklużi l-ħiliet bażiċi u l-kompetenzi diġitali.

L-importanza li jiġi żgurat aċċess effettiv u ugwali għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja saret dejjem aktar evidenti bit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. 

Għandhom isiru aktar sforzi biex tittejjeb ir-rata medja ta' dawk fl-UE li ta' 15-il sena jkunu kisbu l-ħiliet bażiċi . Meta mqabbla mal-2018, fl-2022 ir-rata ta’ dawk li ma jirnexxilhomx jiksbu biżżejjed ħiliet bażiċi żdiedet, l-aktar fil-matematika u l-qari, u b’mod aktar moderat fix-xjenza. Dan seħħ fil-maġġorparti tal-pajjiżi tal-UE. 30 % tal-istudenti tal-UE ma jilħqux livell minimu ta’ profiċjenza fil-matematika, u madwar 25 % ma jilħquhx fil-qari u x-xjenza (PISA 2022, OECD).

Din il-bidla hi possibbli b’edukaturi bi kwalifiki għolja u riformi ta’ politika. It-titjib tal-eżiti tat-tagħlim, l-għoti lill-istudenti ta’ dak li jeħtieġu biex jirnexxu u l-iżgurar ta’ tagħlim ta’ kwalità jirrikjedu investiment effettiv, effiċjenti u sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ. 

X’qiegħda tagħmel l-UE?

Il-Kummissjoni Ewropea qed tindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz tal-azzjonijiet li ġejjin

  • l-inizjattiva Perkorsi għas-suċċess fl-iskola
  • il-promozzjoni tal-multilingwiżmu u l-valuri komuni
  • l-iżgurar ta’ investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ
  • it-tisħiħ tal-Azzjonijiet Jean Monnet
  • l-iżvilupp ta’ approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali
  • it-tħaddim tal-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà b’mod aktar inklużiv
  • il-promozzjoni tal-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà transfruntiera
  • l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew ta’ kwalità għal sistemi ta’ edukazzjoni u l-indukrar bikri tat-tfal ta’ kwalità għolja
  • l-appoġġ għall-istabbiliment ta’ ċentri ta’ eċċellenza vokazzjonali 

Qafas strateġiku taż-ŻEE

Ġie stabbilit grupp ta’ ħidma dwar l-ugwaljanza u l-valuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. 

Il-grupp jinkoraġġixxi t-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati.

Mill-2021 sal-2023, il-grupp ta’ esperti dwar l-investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ wettaq analiżi fil-fond tal-evidenza eżistenti. 

Aqra r-rapport finali tal-grupp ta’ esperti

Il-laboratorju tat-Tagħlim dwar l-Investiment fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ ta’ Kwalità ġie stabbilit biex jippromwovi prattiki ta’ evalwazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni fl-UE. Dan jgħin lil dawk li jfasslu l-politika u lill-evalwaturi jibnu evidenza dwar dak li verament jaħdem fl-edukazzjoni u t-taħriġ u jidentifikaw modi kif jinvestu fil-politiki tal-edukazzjoni.

Aqra dwar il-Laboratorju tat-Tagħlim u l-attivitajiet tiegħu
 

Last updated: