Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali
Bidliet attwali fl-edukazzjoni
Il-provvista u d-domanda għall-materjali tat-tagħlim u tal-apprendiment f’format diġitali (jew kontenut tal-edukazzjoni diġitali) żdiedu b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, speċjalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Bidliet sinifikanti jinkludu:
- Id-drawwiet inbidlu ħafna fost il-fornituri tal-kontenut diġitali (l-industrija u s-settur pubbliku) u l-utenti finali (l-għalliema, l-istudenti u t-tfal tal-iskola).
- Il-kontenut tal-edukazzjoni diġitali hu aktar attraenti, interattiv u inkorporat f’formati u pjattaformi diversi.
- Żviluppi teknoloġiċi ġodda qed jixprunaw l-adozzjoni ta’ tipi ġodda ta’ kontenut tal-edukazzjoni diġitali u għodod jew servizzi relatati. Dawn l-iżviluppi jinkludu l-apprendiment mobbli, ir-realtà immersiva, l-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-IA ġenerattiva.
- Prattiki ġodda ta’ tagħlim u apprendiment (apprendiment imħallat, mikroapprendiment, apprendiment adattiv u personalizzat) jeħtieġu aġġornamenti kostanti tal-kontenut u żvilupp professjonali kontinwu għall-edukaturi.
Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, l-objettiv tal-Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali hu li jindirizza l-isfidi attwali tat-trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni.
L-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali
Studju ta’ Settembru 2023 evalwa s-sitwazzjoni attwali rigward il-kontenut tal-edukazzjoni diġitali. L-istudju jippreżenta dan li ġej:
- analiżi tal-provvista u d-domanda
- proposta għal definizzjoni komuni, żviluppata abbażi ta’ riċerka fil-fond u konsultazzjonijiet mal-utenti, il-faċilitaturi u l-kreaturi tal-kontenut tal-edukazzjoni diġitali
- identifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet pedagoġiċi, teknoloġiċi, legali u organizzattivi
- sfidi ewlenin fl-iżvilupp ta’ qafas ta’ kontenut tal-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-UE
Nindirizzaw dawn l-isfidi
Mill-2022 ’l hawn, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet proċess intensiv ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Dan kien jinkludi laqgħat bilaterali u komunità ta’ prattika, biex jiġi żgurat li l-atturi kollha jkollhom is-sjieda tas-soluzzjonijiet proposti u li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tkun tista’ tinkiseb.
F’Novembru 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE, il-partijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jipprovdu rekwiżiti ta’ kwalità u joħolqu linji gwida għal kontenut aħjar tal-edukazzjoni diġitali. Dan għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi jivvalutaw u jtejbu l-kwalità, is-sikurezza, l-affidabbiltà, u l-inklużività tal-materjali tal-edukazzjoni diġitali.
Gruppi ta’ ħidma
Il-Kummissjoni waqqfet żewġ gruppi ta’ ħidma dwar is-suġġetti li ġejjin:
Linji gwida għall-kontenut tal-edukazzjoni diġitali
Il-grupp ta’ esperti qed jiżviluppa linji gwida prattiċi biex primarjament jgħin lill-għalliema u lil min imexxi l-iskejjel isibu, jagħżlu, jiksbu, jużaw, u jevalwaw kontenut ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja.
Il-grupp ta’ esperti qed jippjana li jippubblika l-linji gwida fl-2025.
Qafas għall-interoperabbiltà fl-edukazzjoni għolja
Iċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali jmexxi grupp ta’ ħidma ta’ aktar minn 130 professjonist u espert biex jiżviluppa l-qafas għall-interoperabbiltà fl-edukazzjoni għolja.
Il-qafas ifittex li jtejjeb il-kollaborazzjoni u l-effiċjenza fi ħdan l-universitajiet Ewropej billi jistabbilixxi standards u protokolli komuni għall-iskambju tad-data fis-sistemi tat-tagħlim u tal-apprendiment.
Il-grupp ta’ ħidma qed jippjana li jkun ħareġ il-qafas sa Frar 2025.
Kronoloġija
-
2022-2023
- Studju preparatorju li jikkontribwixxi għal Qafas Ewropew ta’ Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali
- Fażi preparatorja biex tiġi varata pjattaforma Ewropea ta’ skambju għall-Edukazzjoni Għolja
-
2024-2025
Jitwaqqaf il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali biex jipprovdi linji gwida, rekwiżiti tal-kwalità u kriterji
-
Ġunju 2024
Jiġi ppreżentat id-disinn qafas, maħluq b’mod kollaborattiv mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Interoperabbiltà fl-Edukazzjoni Għolja
-
Frar 2025
Jinħareġ il-Qafas għall-Interoperabbiltà fl-Edukazzjoni Għolja