Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 5

Matul il-pandemija tal-COVID-19, numru kbir ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea (UE) u lil hinn kellhom jaqilbu għat-tagħlim online u mill-bogħod.

Ħafna ħabbtu wiċċhom mal-isfidi tat-tagħlim mill-bogħod, li kien jeħtieġ l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ ħiliet, għodod, riżorsi u approċċi pedagoġiċi ġodda. 

Biex nibbenefikaw mil-lezzjonijiet li tgħallimna matul dan il-perjodu, inkluż kif nużaw it-teknoloġiji diġitali biex intejbu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jeħtieġ ippjanar u monitoraġġ kontinwi, appoġġ, riżorsi u gwida. 

Objettivi 

Il-programm Erasmus+ jipprovdi finanzjament għal proġetti ta’ kooperazzjoni li jappoġġjaw l-ippjanar tat-trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-iskejjel primarji u sekondarji, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), l-edukazzjoni għolja u l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim għall-adulti.

L-Akkademji tal-Għalliema ta’ Erasmus+ qed jiġu stabbiliti biex ikomplu jappoġġjaw il-ħolqien u l-applikazzjoni ta’ pedagoġiji diġitali u ta’ għarfien espert fl-użu ta’ għodod diġitali għall-għalliema, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza.

Fil-ħarifa tal-2021, se titnieda wkoll għodda ġdida ta’ awtovalutazzjoni online, SELFIE għall-għalliema, ibbażata fuq il-Qafas Ewropew għall-Kompetenza Diġitali tal-Edukaturi. Din l-għodda se tgħin lill-għalliema jidentifikaw il-punti tajbin u l-lakuni fil-kompetenzi diġitali tagħhom u biex jippjanaw għal aktar taħriġ. 

Attivitajiet ewlenin

  • l-appoġġ għall-pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ permezz ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni ta’ Erasmus+ 
  • l-istabbiliment tal-Akkademji tal-Għalliema ta’ Erasmus+ biex jappoġġaw il-kollaborazzjoni u jipprovdu opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema u l-edukaturi
  • it-tnedija tal-għodda ta’ awtovalutazzjoni online SELFIE għall-Għalliema biex tgħin lil (timijiet ta’) għalliema jidentifikaw b’mod kollaborattiv il-punti tajbin u l-lakuni fil-kompetenzi diġitali tagħhom

Riżultati mistennija

  • kapaċità diġitali msaħħa għall-istituzzjonijiet edukattivi
  • għoti ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema u l-edukaturi 
  • appoġġ għall-għalliema biex jidentifikaw il-punti tajbin u l-lakuni fil-ħiliet diġitali tagħhom 

Kronoloġija

Proġetti ta’ kooperazzjoni Erasmus+ 

F’April 2021 tnedew opportunitajiet ta’ finanzjament għal proġetti ta’ kooperazzjoni ta’ Erasmus+ li jiffukaw fuq l-ippjanar diġitali fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, il-VET, it-tagħlim għall-adulti u l-edukazzjoni għolja bħala parti mis-sejħa ġenerali ta’ Erasmus+ (taħt l-Azzjoni Ewlenija 2).

Il-finanzjament se jkun disponibbli kull sena taħt is-sejħa ġenerali annwali ta’ Erasmus+ sal-2027.

Iċċekkja l-gwida tal-programm Erasmus+ għal aktar informazzjoni.

Akkademji tal-Għalliema ta’ Erasmus+ 

Id-dettalji ta’ din is-sejħa huma ppreżentati fil-gwida tal-programm Erasmus+ tal-2021. 

Issib aktar informazzjoni wkoll fir-reġistrazzjoni tas-sessjoni ta’ informazzjoni mill-10 ta’ Ġunju 2021 dwar is-sejħa għal proposti ta’ finanzjament tal-2021 għall-Akkademji tal-Għalliema ta’ Erasmus+ 

SELFIE għall-Għalliema 

  • April 2021 – test pilota tal-għodda fl-Italja, il-Portugall, il-Litwanja, l-Estonja u l-Irlanda 
  • Mejju sa Settembru 2021 – analiżi tad-data u feedback mill-pilota ta’ SELFIE għall-Għalliema, aktar żvilupp tal-għodda 
  • Ottubru 2021 – tnedija tal-għodda bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE

Ikkuntattjana

Jekk int interessat li ssir taf aktar dwar din l-azzjoni, tista’ tikkuntattjana bl-email
EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu.

Segwi @EUDigitalEdu fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali kollu.


Immaġni tal-header: © L-Unjoni Ewropea, 2021.