Ġbir transnazzjonali tad-data u mira fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet diġitali tal-istudenti
F’din il-paġna |
---|
Sfidi attwali |
Objettivi |
Attivitajiet ewlenin |
Riżultati |
Kronoloġija |
Ikkuntattjana |
Sfidi attwali
Il-ħiliet diġitali bażiċi huma prerekwiżit għaċ-ċittadini kollha biex jipparteċipaw b’mod effettiv fid-dinja diġitali tal-lum. Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ta’ ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati għas-sostenn tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna.
Filwaqt li ż-żgħażagħ fl-Ewropa ġeneralment għandhom ħiliet diġitali aktar żviluppati mill-bqija tal-popolazzjoni, ir-riċerka wriet li ma jiżviluppawx il-ħiliet diġitali sofistikati sempliċiment billi jużaw l-apparti diġitali huma u jikbru.
Meta mqabbla mal-ħiliet bażiċi l-oħra, bħall-qari, il-matematika u x-xjenza, id-disponibbiltà tad-data transnazzjonali dwar il-livell attwali tal-ħiliet diġitali taż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (UE) hija limitata.
Hemm bżonn aktar data biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar għaliex jinħolqu differenzi fil-livelli tal-ħiliet, u biex l-UE u l-pajjiżi tagħha jkunu jistgħu jifformulaw azzjonijiet effettivi ħalli jindirizzaw dawn id-diskrepanzi.
Objettivi
Biex jintlaħqu dawn l-isfidi, il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-ġbir u l-analiżi ta’ data komparabbli dwar il-ħiliet diġitali taż-żgħażagħ fl-Ewropa kollha.
Fil-livell tal-UE ġiet adottata mira għall-ħiliet diġitali fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u Lil Hinn (2021-2030).
Ir-Riżoluzzjoni titlob li sal-2030 l-ammont ta’ studenti tat-tmien sena (bejn it-13 u l-14-il sena) li għandhom livell baxx ta’ kisbiet b’rabta mal-litteriżmu fil-kompjuter u fl-informazzjoni jonqos taħt il-15 %.
Il-prestazzjoni marbuta mal-litteriżmu fil-kompjuter u fl-informazzjoni titkejjel bl-użu tad-data mill-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuter u fl-Informazzjoni (ICILS, International Computer and Information Literacy Study).
Il-ġbir transnazzjonali tad-data jtejjeb il-fehim tagħna tat-tendenzi dwar l-edukazzjoni diġitali kemm fil-livell tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’kull pajjiż tal-UE. Dan jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali biex jirreġistraw il-livelli tal-ħiliet fost iż-żgħażagħ matul iż-żminijiet u fid-diversi pajjiżi, kif ukoll jgħinhom isaħħu l-bażi għall-iżvilupp tal-politika bbażata fuq l-evidenza.
Attivitajiet ewlenin
- appoġġ finanzjarju għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Erasmus+ fl-ICILS 2023
- monitoraġġ tal-progress marbut mal-mira fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet diġitali tal-istudenti bl-użu tad-data mill-ICILS
- rappurtar dwar il-ħiliet diġitali fil-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ
Riżultati
- Il-kopertura tad-data komparabbli b’mod internazzjonali dwar il-ħiliet diġitali fl-UE kollha, ġiet estiża għal 22 pajjiż tal-UE parteċipanti fl-2023 meta mqabbla ma’ 7 pajjiżi fl-2018.
- Fil-livell tal-UE għandna stampa aktar preċiża tal-livelli tal-ħiliet diġitali tal-istudenti u l-fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tagħhom: 43 % tal-istudenti għandhom biss ħiliet diġitali limitati u għalhekk l-UE qed tħabbat wiċċha ma’ sfida konsiderevoli biex tilħaq il-mira tagħha.
Kronoloġija
-
Jannar - Diċembru 2023
-
Novembru 2024
-
Marzu 2025
Finanzjament
Din l-azzjoni hi finanzjata mill-programm Erasmus+ tal-UE.