Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Inizjattivi ta’ edukazzjoni għolja

L-Unjoni Ewropea qed tikkoopera mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u mal-Istati Membri tal-UE biex tappoġġja u tippermetti lis-settur tal-edukazzjoni għolja jadatta għal kundizzjonijiet li qed jinbidlu, biex jirnexxi u biex jikkontribwixxi għar-reżiljenza u l-irkupru tal-Ewropa.

X’inhu l-objettiv tagħna?

L-objettiv huwa li tiġi żviluppata dimensjoni ġenwinament Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja, mibnija fuq valuri komuni, bl-eċċellenza u l-inklużjoni bħala karatteristika distintiva tal-edukazzjoni għolja Ewropea. 

L-Ewropa tista’ tibni fuq settur tal-edukazzjoni għolja varjat u li qed jiffjorixxi, b’għeruq fondi fil-kultura Ewropea. L-Ewropa tospita kważi 5,000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, 17.5-il miljun student tal-edukazzjoni terzjarja, 1.35 miljun persuna li jgħallmu fl-edukazzjoni terzjarja u 1.17 miljun riċerkatur. 

Kemm jekk ikunu universitajiet tar-riċerka, istituti tat-teknoloġija, skejjel tal-arti jew istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għolja – it-tipi differenti ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma kollha karatteristiċi tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna.

Għaliex l-edukazzjoni għolja hija importanti?

Is-settur tal-edukazzjoni għolja għandu pożizzjoni unika f’salib it-toroq tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, tal-qadi lis-soċjetà u tal-ekonomija.

Hu għandu rwol kritiku

  • fil-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (ŻEE) u taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), f’sinerġija maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja
  • fit-tiswir ta’ ekonomiji sostenibbli u reżiljenti, u biex is-soċjetà tagħna ssir aktar ekoloġika, aktar inklużiva u aktar diġitali
  • fl-għoti lill-Ewropej ta’ ħiliet għolja bi prospetti eċċellenti għall-impjieg, u ċittadini involuti li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika - 80% tal-gradwati terzjarji reċenti fl-UE jiksbu impjieg f’inqas minn 3 xhur wara li jiggradwaw

Minħabba li l-Ewropa teħtieġ aktar nies b’ħiliet ta’ livell għoli, l-Istati Membri tal-UE stabbilixxew il-mira li sal-2030, mill-inqas 45% ta’ dawk bejn il-25 u l-34 sena għandhom jiksbu kwalifika ta’ edukazzjoni għolja.

Aqra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ

X’qiegħda tagħmel l-UE?

Strateġija Ewropea għall-Universitajiet

L-Istrateġija tipproponi li tiffoka fuq il-kisba ta’ erba’ objettivi ewlenin

Insaħħu d-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja u r-riċerka 

Implimentazzjoni ta’ sett ta’ inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jsiru l-espressjoni viżibbli ta’ approċċ Ewropew, appoġġjat minn appoġġ finanzjarju xieraq, biex jgħinu lill-universitajiet jibnu konnessjonijiet u jieħdu l-kooperazzjoni transnazzjonali fil-livell li jmiss.

Nappoġġjaw lill-universitajiet bħala istituzzjonijiet li jitfgħu dawl fuq l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna

Appoġġ lill-universitajiet biex iwasslu ħiliet ta’ kwalità u rilevanti li jibqgħu validi fil-futur, irawmu d-diversità u l-inklużjoni, jippromwovu u jipproteġu l-prattiki demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u l-valuri akkademiċi. 

Nagħtu s-setgħa lill-universitajiet bħala atturi tal-bidla fit-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali

Appoġġ għall-involviment sħiħ tal-universitajiet fl-iżvilupp ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-UE se tissodisfa biss l-ambizzjonijiet tagħha li tgħammar lil aktar żgħażagħ u studenti tul il-ħajja b’ħiliet diġitali u b’ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, jew li tiżviluppa soluzzjonijiet ekoloġiċi permezz tal-innovazzjoni teknoloġika u soċjali, jekk is-settur tal-edukazzjoni għolja jagħmel sehmu.

Insaħħu l-universitajiet bħala xprunaturi tar-rwol globali u tat-tmexxija tal-Ewropa

Permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda fl-Ewropa u lil hinn minnha, jingħata appoġġ lill-universitajiet biex isiru aktar orjentati ’l barra u kompetittivi fix-xena globali. Dan imbagħad se jgħin biex l-Ewropa tidher aktar attraenti mhux biss bħala destinazzjoni ta’ studju, iżda wkoll bħala sieħeb globali attraenti għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni.

Erba’ inizjattivi ewlenin se jirfdu t-twettiq tal-Istrateġija

  • Tnedija ulterjuri tal-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej għal 60 Università Ewropea b’aktar minn 500 università sa nofs l-2024, appoġġjata mill-Erasmus+ b’baġit indikattiv ta’ €1.1 biljun għall-perjodu 2021-2027. L-għan huwa li tiġi żviluppata u xxerjata kooperazzjoni strutturali, sostenibbli u sistemika komuni fit-tul dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u b'hekk jinħolqu kampusijiet interuniversitarji Ewropej fejn l-istudenti, l-istaff u r-riċerkaturi minn kull parti tal-Ewropa jistgħu jgawdu mobbiltà bla xkiel u jinħoloq għarfien ġdid flimkien, bejn il-pajjiżi u d-dixxiplini.
  • Ħidma lejn l-istabbiliment ta’ status legali għall-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja sa nofs l-2024
  • Eżaminazzjoni tal-għażliet u l-passi meħtieġa lejn lawrja Ewropea konġunta (lawrja konġunta bbażata fuq kriterji Ewropej komuni) sa nofs l-2024 biex jiġi rikonoxxut il-valur tal-esperjenzi transnazzjonali fil-kwalifiki tal-edukazzjoni għolja li jiksbu u titnaqqas il-burokrazija għat-twettiq ta’ programmi konġunti 
  • Tkabbir fil-livell tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti billi jiġi implimentat Identifikatur Ewropew tal-Istudenti uniku disponibbli għall-istudenti mobbli kollha fl-2022 u għall-istudenti kollha fl-universitajiet fl-Ewropa sa nofs l-2024, biex tiffaċilita l-mobbiltà fil-livelli kollha. 

L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija teħtieġ koerenza tal-prijoritajiet ta’ politika u l-investimenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet ikkonċernati oħra u bejniethom.

Ara l-istrateġija Ewropea għall-universitajiet

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja.

Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha l-għan li tippermetti kooperazzjoni transnazzjonali aktar profonda u aktar sostenibbli fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, tindirizza l-isfidi attwali u tiżgura implimentazzjoni aktar effettiva ta’ programmi u attivitajiet edukattivi konġunti, tiġbor flimkien il-kapaċità u r-riżorsi, jew tagħti lawrji konġunti.

L-isfidi li jfixklu l-kooperazzjoni bla xkiel għandhom ħafna sorsi u jeħtieġu azzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

Il-proposta għal Rakkomandazzjoni hija l-ewwel pass biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għas-settur kollu tal-edukazzjoni għolja u għandha l-għan li tappoġġja l-adattament tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-erba’ missjonijiet kollha tal-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-servizz għas-soċjetà, u li tħalli impatt pożittiv fuq is-soċjetà u l-ekosistemi. 

Il-proposta hija stedina lill-Istati Membri biex jistabbilixxu prijoritajiet ta’ politika aktar koerenti u kompatibbli u joħolqu kundizzjonijiet xierqa fil-livell nazzjonali biex jippermettu tali kooperazzjoni transnazzjonali aktar mill-qrib u sostenibbli, għal implimentazzjoni aktar effettiva ta’ attivitajiet edukattivi u ta’ riċerka konġunti, kif ukoll tal-għodod taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja (Bologna), u biex jimpenjaw ruħhom għal investimenti fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u istituzzjonali.

Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tieħu l-kooperazzjoni transnazzjonali f’livell ġdid ta’ intensità u kamp ta’ applikazzjoni u li tkun ta’ benefiċċju dirett għall-istudenti biex itejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom billi jiksbu aċċess aktar faċli għal kampusijiet transnazzjonali moderni u innovattivi, għall-mobbiltà barra mill-pajjiż, u għat-tagħlim transdixxiplinari.

Aqra l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja

Azzjonijiet oħra

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati dwar l-azzjonijiet li ġejjin biex isir progress fit-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-UE

Programm Erasmus+

Permezz tal-programmi Erasmus+ u Orizzont 2020, l-UE tappoġġja skambji internazzjonali ta’ studenti, staff akkademiku u riċerkaturi, kif ukoll kooperazzjoni strutturata bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi differenti.

Skopri aktar dwar il-programm Erasmus+

Grupp ta’ ħidma dwar l-edukazzjoni għolja

Taħt il-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma ġdid dwar l-edukazzjoni għolja għall-perjodu 2021-2025. Il-Grupp ta’ Ħidma se jiffaċilita s-sinerġiji bejn is-settur tal-edukazzjoni għolja u atturi ewlenin fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-kuntest taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, filwaqt li jiżgura l-konsistenza maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja.

Skopri aktar dwar il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-edukazzjoni għolja

 

Kontenut relatat