Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT)

X’inhu l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija? 

Ibbażat f’Budapest, l-Ungerija, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) huwa l-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea (UE) biex tappoġġja l-innovazzjoni f’livell sistemiku — mill-edukazzjoni sas-suq. 

L-EIT ilaqqa’ flimkien organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni (l-hekk imsejjaħ triangolu tal-għarfien) biex jiffurmaw sħubijiet transfruntiera dinamiċi u joħolqu ambjenti li jrawmu l-innovazzjoni.

L-Istitut jippromwovi u jappoġġja ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri u jistimula l-ħolqien ta’ negozji innovattivi, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

Il-missjoni tal-EIT hija li

  • jippromwovi u jintegra l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u n-negozji biex jinħolqu ekosistemi tal-innovazzjoni
  • jippromwovi sinerġiji u kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-innovazzjoni
  • jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli, kompetittività u intraprenditorija billi jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-UE għall-innovazzjoni 
  • jindirizza l-isfidi tas-soċjetà ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni

L-EIT jifforma parti minn Orizzont Ewropa, il-programm ta’ investiment tal-UE fir-riċerka u l-innovazzjoni. 

L-Istitut jaqa’ taħt it-tielet pilastru tal-programm – “Ewropa Innovattiva” – li jfittex li jistimula skoperti teknoloġiċi u ekosistemi tal-innovazzjoni.

L-EIT jaħdem ukoll fi sħubija ma’ inizjattivi u skemi ta’ finanzjament oħra tal-UE.

X’jagħmel l-EIT? 

L-EIT imexxi tmien Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KICs), li kull waħda minnhom tindirizza sfida speċifika globali u/jew soċjetali. 

Il-KICs jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorija u jiġġeneraw skoperti billi jrawmu l-kollaborazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozji. 

Bħalissa, tmien KICs joperaw fl-oqsma li ġejjin

  • EIT Climate KIC: li taħdem biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija mingħajr karbonju
  • EIT InnoEnergy: li tikseb futur b’enerġija sostenibbli għall-Ewropa
  • EIT Digital: li tixpruna t-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa
  • EIT Health: li tagħti opportunitajiet akbar liċ-ċittadini tal-UE biex igawdu ħajja b’saħħitha
  • EIT Raw Materials: li tiżviluppa l-materja prima bħala saħħa ewlenija għall-Ewropa
  • EIT Food: li tmexxi rivoluzzjoni globali fl-ikel u l-produzzjoni
  • EIT Urban Mobility: li tiżviluppa trasport urban intelliġenti, ekoloġiku u integrat
  • EIT Manufacturing: li ssaħħaħ u żżid il-kompetittività tal-industrija tal-manifattura tal-Ewropa

Ir-Regolament dwar l-EIT u l-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni (ASI) 2021-2027 daħlu fis-seħħ fit-28 ta’ Mejju 2021. L-ASI tenfasizza:

  • li jiżdiedu l-impatt, il-ftuħ u t-trasparenza tal-KCIs billi jinfetħu għal firxa usa’ ta’ partijiet ikkonċernati. Dan se jtejjeb id-diffużjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni
  • li tissaħħaħ il-kapaċità intraprenditorjali u tal-innovazzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa permezz tal-promozzjoni u l-appoġġ tal-bidla istituzzjonali fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistemi tal-innovazzjoni. Biex jintlaħaq dan l-għan ta’ politika, l-EIT qed imexxi inizjattiva pilota ta’ 3 snin – l-inizjattiva HEI: Bini ta’ Kapaċità ta’ Innovazzjoni għall-Edukazzjoni Għolja
  • l-Iskema msaħħa ta’ Innovazzjoni Reġjonali (RIS) tal-EIT li tagħti spinta lill-innovazzjoni f’pajjiżi bi prestazzjoni ta’ innovazzjoni modesta jew moderata. Hija għandha l-għan li taqsam l-aħjar prattiki, l-esperjenza u l-għarfien li joħorġu mill-attivitajiet tal-KCIs tal-EIT mal-ekosistemi tal-innovazzjoni lokali u toffri servizzi mfassla apposta biex jiġu indirizzati l-lakuni identifikati fl-innovazzjoni
  • li jiġu varati żewġ KCIs ġodda fil-qasam tas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (fl-2022) u fis-setturi u l-ekosistemi tal-ilma, tal-baħar u marittimi (fl-2026)

Fatti u ċifri

L-EIT huwa attiv fl-Istati Membri kollha tal-UE b’aktar minn 2,000 sieħeb integrat mill-qrib mir-riċerka, l-edukazzjoni u n-negozju. 

Għandu aktar minn 60 ċentru ta’ kolokazzjoni fl-UE u barra minnha. L-ekosistemi tal-innovazzjoni appoġġjati mill-EIT jinkludu 310 ċentru ta’ riċerka, 269 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja u 1,284 kumpanija, inklużi SMEs, kif ukoll 193 entità oħra bħal bliet, reġjuni u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs).

Aktar minn 3,000 student iggradwaw minn programmi ta’ edukazzjoni b’tikketta tal-EIT fil-livell ta’ Masters u Dottorat. 

L-EIT u l-KICs tiegħu ħolqu network kbir ta’ alumni tal-EIT li jiffurmaw komunità interdixxiplinari u multikulturali ta’ aġenti tal-bidla li toħloq l-innovazzjonijiet meħtieġa għal Ewropa ekoloġika u sostenibbli. 

Fl-2020, aktar minn 14,000-il alumni kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa kienu konnessi permezz ta’ dawn il-komunitajiet tal-alumni.

B’baġit allokat ta’ €2.965 biljun, l-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni 2021-2027 se żżid l-impatt tal-EIT u l-KICs tiegħu fit-tliet fergħat kollha tat-triangolu tal-għarfien. 

L-Aġenda Strateġika tal-Innovazzjoni tipprevedi t-tnedija ta’ 4,000 prodott u servizz innovattiv fis-suq u l-appoġġ ta’ 700 negozju ġdid sal-2027. 

L-EIT għandu wkoll l-għan li jinvolvi 680 istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u li jinvolvi aktar minn 25,000 student fil-programmi edukattivi tiegħu sal-2027.