Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Edukazzjoni għolja ta’ kwalità għolja u rilevanti

Għaliex hu importanti li jiġu żgurati r-rilevanza u l-kwalità tal-edukazzjoni għolja

L-Unjoni Ewropea (UE) qed tiffaċċja nuqqas ta’ ħiliet, b’mod partikolari fl-oqsma STEM – ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika – u fit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT). In-nisa huma partikolarment sottorappreżentati f’dawn l-oqsma. 

Qed jitfaċċaw ħtiġijiet ġodda ta’ ħiliet bħala riżultat tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li għaddejjin fis-soċjetà. Jeħtieġ li l-UE taġixxi jekk trid tiżgura l-iżvilupp kontinwu tal-ħiliet meħtieġa biex tibqa’ ekonomikament kompetittiva fil-livell globali. 

Aktar nies għandhom jitħeġġu jistudjaw suġġetti li fihom jeżistu nuqqas ta’ ħiliet u domanda għax-xogħol. L-istudenti kollha jeħtieġ li jiksbu “ħiliet trasversali” avvanzati li jistgħu jiġu applikati f’firxa wiesgħa ta’ ambjenti, bħall-ħsieb kritiku u l-ħiliet għas-soluzzjoni tal-problemi. Il-kisba ta’ kompetenzi ewlenin, bħan-numeriżmu u l-ħiliet diġitali, hi essenzjali wkoll.

Ir-riflessjoni dwar kif is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni għolja jistgħu jinkoraġġixxu lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet rilevanti se jgħinu biex jappoġġjaw l-iżvilupp personali u professjonali tan-nies – żewġ fatturi li jippromwovu kwalità tal-ħajja għolja.

X’inhi tagħmel l-UE

Promozzjoni tal-approċċ STEAM

Il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi l-iżvilupp ta’ programmi ta’ edukazzjoni għolja STEM u ICT aktar adatti għall-iskop tagħhom ibbażati fuq approċċi STEAM – ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, l-arti u l-matematika – għall-edukazzjoni.

STEAM hu sett ta’ approċċi multidixxiplinari għall-edukazzjoni li jneħħi l-ostakli tradizzjonali bejn is-suġġetti u d-dixxiplini biex jgħaqqad l-edukazzjoni STEM u tal-ICT mal-arti, l-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali. Dan irawwem it-trasferiment tal-għarfien bejn l-oqsma STEM u dawk mhux STEM. Dan jgħin ukoll biex is-suġġetti STEM jiġu kuntestwalizzati aħjar f’termini politiċi, ambjentali, soċjoekonomiċi u kulturali.

L-approċċi STEAM qed jiġu promossi permezz tal-ħidma tal-Koalizzjoni STEM tal-UE u l-azzjonijiet deskritti fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa. Il-Koalizzjoni STEM tal-UE hi network mifrux mal-UE kollha li jaħdem biex jibni edukazzjoni STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Matematika) aħjar fl-Ewropa, iffinanzjat taħt il-programm Erasmus+.

Inizjattiva Ewropea ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati

L-UE qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) tagħhom billi jsegwu regolarment il-perkorsi tal-karriera tal-gradwati.

Dan qed jiġi promoss permezz tal-inizjattiva Ewropea ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati u permezz ta’ sforzi biex l-informazzjoni miġbura dwar il-gradwati ssir aktar faċilment komparabbli fil-livell Ewropew. 

L-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati jgħin

  • fit-titjib tal-esperjenzi tal-istudenti u fl-identifikazzjoni ta' opportunitajiet biex itejbu l-effettività u r-rilevanza tat-tagħlim u tal-apprendiment 
  • fid-determinazzjoni tal-inugwaljanzi fl-edukazzjoni u l-modi kif jistgħu jiġu indirizzati
  • fit-tisħiħ tal-impjegabbiltà tal-gradwati reċenti permezz tat-titjib tal-ippjanar tal-ħiliet u t-tlaqqigħ mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi, it-tfassil tal-kurrikuli u l-gwida għall-karriera
  • fl-għoti tal-għarfien dwar ix-xejriet tal-mobbiltà transfruntiera, inklużi eċċessi reġjonali emerġenti u żbilanċ fil-ħiliet – l-hekk imsejħa “eżodu ta’ mħuħ” u “kisba ta’ mħuħ”
  • fl-immirar b’mod effiċjenti ta’ investiment f’edukazzjoni ta’ kwalità għolja mfassla għall-ħtiġijiet tas-soċjetà bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq l-evidenza
  • fl-identifikazzjoni ta’ prattiki li jippreparaw bl-aħjar mod lill-gradwati għaċ-ċittadinanza attiva 

Dak li għamlet l-UE s’issa

Appoġġ għal stħarriġ armonizzat dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati

Wara l-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni “Aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja u “Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza”, f’Novembru 2017 l-Istati Membri tal-UE adottaw, permezz tal-Kunsill, Rakkomandazzjoni dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati

F’din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiġbru informazzjoni komparabbli fuq l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja u fil-VET (bl-appoġġ tal-Kummissjoni). 

Fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat studju ta’ valutazzjoni komparattiva li jimmappja l-politiki u l-prattiki ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kontra ħames dimensjonijiet ewlenin identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll gwida li tagħti dettalji dwar prattiki effettivi għat-twettiq ta’ stħarriġ dwar il-gradwati u l-użu ta’ data amministrattiva. 

Bejn l-2018 u tmiem il-mandat tiegħu fl-2020, il-Grupp ta’ esperti dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati serva bħala forum għall-kooperazzjoni u l-iskambju. L-attivitajiet tiegħu laħqu l-qofol tagħhom fil-pubblikazzjoni ta’ rapport finali li fih rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-inizjattiva Ewropea ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

Fl-2020, il-Kummissjoni wettqet Stħarriġ Pilota Eurograduate ta’ gradwati fi 8 pajjiżi pilota – l-Awstrija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Litwanja, Malta u n-Norveġja – li jevalwa u jqabbel id-data fil-livell nazzjonali. It-tieni fażi tal-istħarriġ pilota Eurograduate tal-gradwati fl-edukazzjoni għolja fi 17-il pajjiż se ssir fl-2022. Dan se jipprovdi bażi ta’ evidenza aktar dettaljata lil dawk li jfasslu l-politika u lill-professjonisti tal-edukazzjoni għolja li jiżviluppaw il-kurrikuli.

Bejn l-2020 u l-2021, il-Kummissjoni nediet attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità mfassla apposta f’kull Stat Membru tal-UE biex tħejji l-amministrazzjonijiet nazzjonali u t-timijiet ta’ riċerka għal mekkaniżmu Ewropew ikkoordinat ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. Dawn l-attivitajiet jinkludu l-bini tas-sjieda tal-proġett ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati fost il-partijiet ikkonċernati, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-IT u tal-istatistika u aktar.  

Il-passi li jmiss

Abbażi tal-iskambji u r-rakkomandazzjonijiet tal-grupp ta’ esperti, fl-2022 il-Kummissjoni ħolqot in-network Ewropew ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati biex tippromwovi l-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku bejn il-pajjiżi li jipparteċipaw fl-inizjattiva Ewropea ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati.

Fl-2023, il-Kummissjoni se tqis il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Hu mistenni li se jkun hemm użu ta’ 80% fost l-Istati Membri ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati li jipprovdi data komparabbli sa tmiem l-2024. 

Il-Kummissjoni qed tistenna li tikseb implimentazzjoni madwar l-Ewropa kollha tal-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati sal-2025.