Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Studenti bi sfond ta’ refuġjat jew ta’ migrazzjoni spiss jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaġġustaw għal ambjent ġdid ta’ tagħlim.

Il-prattikanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jibbenefikaw minn gwida u mill-iskambju ta’ prattiki tajbin biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ tagħlim tal-istudenti fi klassijiet li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed ikunu diversi u multilingwi.

Mill-2016 ’l hawn, il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat lill-Istati Membri tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jintegraw lill-migranti fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom - mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għall-edukazzjoni għolja.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġja l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti?

Oqsma ta’ prijorità

F’Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni 2021-2027, li jippromwovi l-inklużjoni permezz ta’ approċċ tas-soċjetà sħiħa li jinvolvi, fost l-oħrajn, il-komunitajiet migranti u lokali, l-impjegaturi, is-soċjetà ċivili, kif ukoll il-livelli kollha tal-gvern. Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħmel enfasi fuq l-għoti ta’ appoġġ immirat fl-istadji kollha tal-integrazzjoni.

Għalkemm il-gvernijiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-ħolqien u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali, l-UE għandha rwol ewlieni fl-appoġġ lill-Istati Membri permezz tal-finanzjament, l-iżvilupp ta’ gwida u t-trawwim ta’ sħubijiet rilevanti. Waħda mill-azzjonijiet ewlenin hi l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi, mit-tfulija bikrija sal-edukazzjoni għolja, b’enfasi fuq ir-rikonoxximent aktar mgħaġġel tal-kwalifiki u t-tagħlim tal-lingwi, b’appoġġ mill-fondi tal-UE.

Attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku

Biex tgħin fl-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti, il-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri tal-UE permezz ta’ attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku.

Dawn l-attivitajiet jippromwovu wkoll in-networking fost dawk li jfasslu l-politika u jippermettulhom jindirizzaw aħjar l-isfidi attwali u futuri.

Bejn l-2016 u l-2018, it-temi li ġejjin kienu diskussi waqt Attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari li saru apposta

  • il-valutazzjoni tal-lingwa u tal-integrazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati permezz tal-edukazzjoni 
  • ir-riċeviment ta’ migranti li għadhom kif waslu, u l-valutazzjoni ta’ tagħlim fl-iskejjel preċedenti
  • ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tar-refuġjati
  • id-djalogu interkulturali bħala għodda biex tiġi indirizzata l-migrazzjoni, ir-refuġjati u l-applikanti għall-ażil f’kuntesti edukattivi
  • id-diversità lingwistika u kulturali
  • il-politiki ta’ integrazzjoni għall-migranti - prinċipji, sfidi u prattiki

Barra minn hekk, il-Kummissjoni toffri parir espert immirat permezz tal-konsulenza bejn il-pari biex tappoġġja r-riformi tal-politiki fl-Istati Membri, pereżempju, li jikkonċernaw l-integrazzjoni ta’ studenti li għadhom kif waslu fl-iskejjel.

Avvenimenti ta’ din ix-xorta huma organizzati fuq talba ta’ kwalunkwe Stat Membru, u jinvolvu lil dawk li jfasslu l-politika minn amministrazzjonijiet nazzjonali u esperti indipendenti oħrajn, li jiltaqgħu flimkien biex isibu soluzzjonijiet għall-isfidi nazzjonali f'sessjoni ta’ ħidma parteċipattiva.

Appoġġ permezz ta’ Erasmus+

Permezz tal-programm Erasmus+, il-Kummissjoni tiffinanzja proġetti u attivitajiet oħrajn għall-integrazzjoni tal-migranti fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Appoġġ online li jrawwem l-integrazzjoni

Network SIRIUS dwar l-edukazzjoni tal-migranti

Il-Kummissjoni Ewropea tikkofinanzja n-network SIRIUS dwar l-edukazzjoni tal-migranti. In-network jappoġġja l-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ bi sfond ta’ migranti permezz ta’ attivitajiet strateġiċi fil-livell nazzjonali u internazzjonali, u flimkien mal-migranti u r-refuġjati – ilaqqa’ flimkien ir-riċerkaturi, lil dawk li jfasslu l-politika, u l-prattikanti fil-qasam tal-edukazzjoni tal-migranti. 

School Education Gateway

L-iSchool Education Gateway iffinanzjat minn Erasmus+ jippermetti lill-prattikanti jiskambjaw informazzjoni, jaqsmu materjal (pereżempju, artikli u pjanijiet ta’ lezzjonijiet) u jaċċessaw servizzi, bħal korsijiet online, dwar is-suġġetti tal-inklużjoni, id-diversità kulturali u l-integrazzjoni ta’ studenti migranti li jkunu għadhom kif waslu fil-klassijiet.

Pjattaforma tal-eTwinning

L-eTwinning tikkonnettja l-iskejjel fl-Ewropa kollha permezz tal-għodod tal-ICT u toffri l-possibbiltà għall-kapijiet u l-istaff tal-iskejjel biex jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom, u joffru assistenza reċiproka. 

Appoġġ Lingwistiku Onine ta’ Erasmus+

Il-Kummissjoni offriet l-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Online lil aktar minn 100,000 refuġjat u migrant li għadhom kif waslu. L-inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-individwi jintegraw fis-soċjetà ospitanti tagħhom billi tipprovdi l-opportunità li jitgħallmu l-lingwa lokali. 

Korsijiet Online Miftuħa Massivi

Il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll studju li jivvaluta l-adegwatezza tal-Korsijiet Online Miftuħa Massivi (MOOCs) u t-Tagħlim Diġitali Ħieles (FDL) għall-inklużjoni tal-migranti u r-refuġjati.

Katalogu ta’ inizjattivi magħżulin – ikkategorizzati skont it-tip u l-iskop - hu disponibbli fl-MOOCs4inclusion.

Appoġġ ieħor permezz ta’ Erasmus+

Is-sħubijiet strateġiċi jrawmu l-iżvilupp ta’ prattiki edukattivi innovattivi u jippromwovu l-kooperazzjoni transnazzjonali.

Il-programm Erasmus+ jappoġġja wkoll il-bini tal-kapaċità fl-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi sħab li huma partikolarment affettwati mill-konsegwenzi tal-migrazzjoni.