L-importanza tal-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin
L-ekonomija tal-UE qed tevolvi l-ħin kollu. Id-domanda għall-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet rilevanti tinbidel maż-żmien. Biex jiġu indirizzati dawn il-bidliet hemm bżonn li n-nies ikunu mgħammra b’sett ta’ kompetenzi, inklużi l-litteriżmu, in-numeriżmu u l-kompetenzi diġitali. Il-ħsieb kritiku, il-kreattività u l-kapaċità li wieħed jaħdem bħala parti minn tim huma ugwalment importanti biex jinbnew karrieri sostenibbli u biex wieħed isir ċittadin attiv.
L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex jippermettu liż-żgħażagħ, b’mod partikolari, jiżviluppaw dawn il-kompetenzi u, b’hekk, jipprovdu l-kundizzjonijiet għall-aħjar bidu possibbli fil-ħajja.
Sabiex ikun hemm identifikazzjoni u mmaniġġjar aħjar tal-għarfien, ħiliet u attitudnijiet meħtieġa, u biex jiġi evitat li jitfaċċaw lakuni u diskrepanzi fil-ħiliet, hu essenzjali li jkun hemm komunikazzjoni effettiva tal-ħtiġijiet tal-ekonomija tal-UE għas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Inizjattivi Ewropej f’dan il-qasam
- Il-Kunsill iddeskriva sett ta’ 8 kompetenzi li l-individwi kollha jeħtieġu għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tiegħu.
- L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, tenfasizza 10 azzjonijiet biex irendu rilevanti t-taħriġ, il-ħiliet u l-appoġġ disponibbli għaċ-ċittadini fl-UE.
- Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali tal-Kummissjoni fih 11-il azzjoni biex isir użu aħjar mit-teknoloġija diġitali għat-tagħlim, l-apprendiment u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali.
- Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali hi sħubija b’diversi partijiet ikkonċernati li ġiet inkarigata biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fl-ICT biex tgħin timla eluf ta’ postijiet tax-xogħol battala f’dan il-qasam.
- Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 jirrappreżenta blueprint għat-twettiq tal-potenzjal intraprenditorjali tal-Ewropa bit-tneħħija ta’ ostakli eżistenti u biex b’hekk tinbidel ta’ taħt fuq il-kultura tal-intraprenditorija fl-Ewropa.
- L-ESCO hi l-klassifikazzjoni multilingwi tal-Ħiliet/il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Okkupazzjonijiet Ewropej. Hi tintroduċi terminoloġija standardizzata b'25 lingwa Ewropea u tikkategorizza ħiliet ewlenin, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet għall-ekonomija, l-edukazzjoni u l-provvedituri tat-taħriġ tal-UE.
- Il-Panorama ta’ Ħiliet timmonitorja b’mod regolari l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-ekonomija Ewropea u l-kisba tal-ħiliet fil-livell nazzjonali u Ewropew. Hi tipprovdi data dwar ix-xejriet tal-ħiliet fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE.