L-importanza tal-edukazzjoni għall-impjiegi u l-ekonomija tal-UE
Billi niżguraw l-għoti ta’ edukazzjoni effettiva, nistgħu nallinjaw aħjar il-ħiliet tal-forza tax-xogħol mal-ħtiġijiet tal-ekonomija tal-UE.
L-UE teħtieġ forza tax-xogħol tas-sengħa biex tikseb il-produttività massima u l-innovazzjoni kontinwa fl-ekonomija dejjem aktar globalizzata tal-lum. Politiki effettivi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu wkoll itejbu l-iżvilupp personali, jinkoraġġixxu ċittadinanza attiva u jsaħħu l-ekwità, kif ukoll jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni.
Evidenza riċenti, madankollu, tissuġġerixxi diskrepanza dejjem tikber bejn il-ħiliet li l-persuni jiksbu mill-edukazzjoni u t-taħriġ, u dawk meħtieġa mis-suq tax-xogħol. B’mod partikolari, 20 fil-mija tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE kollha għandhom livell baxx ta’ ħiliet ta’ litteriżmu u numeriżmu.
Dan jillimita l-potenzjal ta’ individwu għall-iżvilupp personali u ċ-ċansijiet tagħhom li jiżguraw impjieg, kif ukoll huwa fattur li jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku aktar dgħajjef.
Ir-rwol tal-UE fit-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ
Filwaqt li r-responsabbiltà għas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ hija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol importanti fl-appoġġ u ż-żieda fl-isforzi għat-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni tagħhom.
L-Istrateġija Ewropa 2020 tistabbilixxi miri fil-livell tal-UE biex jitnaqqas l-għadd ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10% u biex jiżdied is-sehem ta’ gradwati minn edukazzjoni għolja għal mill-inqas 40% sal-2020.
L-objettivi, l-istrumenti u l-arranġamenti għall-ħidma konġunta fil-livell tal-UE huma deskritti fil-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020). Dan il-qafas huwa validu sal-2020.
Il-progress huwa monitorat bl-għajnuna tal-indikaturi, u mqabbel ma’ sett ta’ objettivi. Taħt l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew:
- L-UE twettaq analiżi tal-pajjiż biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-politiki ta’ edukazzjoni u taħriġ tagħhom u biex tissorvelja progress marbut mar-riformi. Dawn l-analiżijiet iwieġbu għall-isfidi li huma identifikati fil-livell tal-UE, f’dak nazzjonali, u f’dak reġjonali, u jimmiraw li jappoġġjaw it-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki. inkluż bl-identifikazzjoni ta’ żoni li jeħtieġu investiment.
- L-Istati Membri tal-UE jistgħu jingħataw gwida speċifika dwar ir-riformi ta’ prijorità kull sena, fil-forma tal-hekk imsejħa rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
- L-UE tippromwovi wkoll bosta attivitajiet ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati, bħalma huma l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-soċjetà ċivili, in-negozji, is-sħab soċjali u l-assoċjazzjonijiet tal-impjiegi.
Il-Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ huwa l-pjattaforma għal skambji ta’ fehmiet bejn id-diversi partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni, fit-taħriġ u fiż-żgħażagħ.