Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ kwalifiki u ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż

Rikonoxximent ta’ esperjenzi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku ta’ diplomi ta’ edukazzjoni għolja u ta’ edukazzjoni sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra l-pajjiż. Ir-Rakkomandazzjoni ġiet adottata mill-Kunsill f’Novembru 2018.

It-titjib tal-proċeduri għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki fl-Istati Membri tal-UE hu l-pedament tal-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. 

Il-mobbiltà fit-tagħlim trawwem il-kompetenzi ewlenin u l-esperjenzi li huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Dan intwera fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu reċenti tal-programm Erasmus+, li rrapportat dwar l-impatt pożittiv tal-mobbiltà fuq il-fiduċja, l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u l-ħolqien ta’ sens ta’ identità Ewropea tal-istudenti.

Fil-kuntest ta’ ambjent globalizzat tal-edukazzjoni u l-impjiegi, hu essenzjali li l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-opportunitajiet kollha ta’ tagħlim fl-UE kollha. Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati aktar kmieni din is-sena wrew appoġġ qawwi għall-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Dawk li wieġbu kkonfermaw li l-proċeduri ta’ rikonoxximent ħafna drabi huma bil-mod, jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ istituzzjonijiet individwali, mhux trasparenti biżżejjed u jistgħu jimponu spiża żejda għal student.

B’mod partikulari fil-livell sekondarju, ir-rikonoxximent kemm tal-kwalifiki ta’ sekondarja għolja u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra l-pajjiż ivarjaw bil-kbir minn pajjiż għal ieħor. Iż-żgħażagħ li jixtiequ jistudjaw għal perjodu itwal barra l-pajjiż matul l-edukazzjoni sekondarja, jew jaċċessaw l-edukazzjoni għolja fi Stat Membru tal-UE, spiss għandhom nuqqas ta’ informazzjoni u ta’ ċertezza dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri tal-UE jassumu impenn politiku biex jieħdu passi ħalli jintroduċu r-rikonoxximent awtomatiku sal-2025. Dan se jkun akkumpanjat b’azzjonijiet li se jibnu fiduċja fis-sistemi tal-edukazzjoni ta’ xulxin, u li jappoġġjaw lill-Istati Membri biex itejbu r-rikonoxximent sabiex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tat-tagħlim.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq il-progress li diġà sar f’fora oħrajn, notevolment il-Proċess ta’ Bologna u l-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, kif ukoll permezz ta’ ftehimiet multilaterali bejn gruppi ta’ Stati Membri tal-UE, bħad-Deċiżjoni tal-Benelux dwar ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki ta’ edukazzjoni għolja u l-ftehim tal-pajjiżi Baltiċi.

Hi tippromwovi wkoll l-użu ulterjuri ta’ għodod eżistenti li jistgħu jappoġġjaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-eżiti tal-perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż, bħall-Europass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), is-Suppliment għad-Diploma u s-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, fost oħrajn./node/1523/non_migrated/node/59

Fil-livell sekondarju għoli, ir-Rakkomandazzjoni proposta timmira li jittejbu l-proċessi ta’ rikonoxximent għall-kwalifiki sekondarji għolja meħtieġa għall-aċċess tal-edukazzjoni għolja, inklużi l-edukazzjoni vokazzjonali u l-kwalifiki tat-taħriġ. Se tippromwovi wkoll ir-rikonoxximent tar-riżultati ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż f’dan il-livell.

Reports