X’inhu s-Suppliment tad-Diploma?
Is-Suppliment tad-Diploma hu prodott minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja skont l-istandards maqbula mill-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO). Hu parti wkoll mill-għodod ta' trasparenza tal-qafas Europass.
Is-Suppliment tad-Diploma hu mfassal bħala għajnuna biex jappoġġja r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi. Is-Suppliment tad-Diploma hu għodda importanti fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja għall-gradwati biex jiżguraw li l-lawrji tagħhom jiġu rikonoxxuti minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, awtoritajiet pubbliċi u impjegaturi f’pajjiżhom u barra minn pajjiżhom. Madankollu, dan ma jirrappreżentax Curriculum Vitae jew sostitut għall-kwalifika oriġinali.
Is-Suppliment tad-Diploma fih tmien taqsimiet li jipprovdu informazzjoni dwar:
- id-detentur tal-kwalifika
- it-tip ta’ kwalifika u l-istituzzjoni li toriġina minnha
- il-livell tal-kwalifika
- il-kontenut tal-kors u r-riżultati miksubin
- il-funzjoni tal-kwalifika
- iċ-ċertifikazzjoni tas-suppliment
- id-dettalji tas-sistema tal-edukazzjoni għolja nazzjonali kkonċernata (ipprovduti miċ-Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni għar-Rikonoxximent Akkademiku (NARICs))
- dettalji rilevanti oħra
Il-gradwati fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-Proċess ta' Bolonja għandhom id-dritt li jirċievu s-Suppliment tad-Diploma awtomatikament, bla ħlas u fi kwalunkwe lingwa Ewropea prinċipali.
X’inhuma l-benefiċċji?
Is-Suppliment tad-Diploma jirrendi l-kwalifiki u l-programmi ta’ studju aktar faċilment li jitqabblu għall-istudenti bejn il-pajjiżi fl-Ewropa. Dan joffri deskrizzjoni ddettaljata tal-istudji li tlestew u jipprovdi indikazzjoni tal-kompetenzi miksubin biex jitlesta l-kors.
Is-suppliment jista’ wkoll jiffaċilita l-aċċess għad-detenturi tiegħu għall-impjiegi u opportunitajiet ta’ studju ulterjuri barra mill-pajjiż billi jagħti spinta lir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi kemm mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll minn min iħaddem fuq livell internazzjonali.
Għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, hu joffri rikonoxximent imtejjeb tal-kwalifiki akkademiċi li jipprovdu. Itejjeb il-viżibbiltà tal-istituzzjonijiet, kemm ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla oħrajn kif ukoll ta’ min iħaddem. Is-suppliment jgħin ukoll biex jissalvagwardja l-awtonomija istituzzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja billi jipprovdi qafas komuni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv iffaċċjat minn ħafna istituzzjonijiet.