Id-dinjità umana, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, is-saltna tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu lill-minoranzi, huma valuri li huma kondiviżi mill-Istati Membri tal-UE. Huma jiffurmaw it-tessut tal-Unjoni tagħna li torbot il-pajjiżi, il-komunitajiet u n-nies flimkien, kif spjegat fl-Artikolu 2 tat-Trattat ta’ Lisbona.
Edukazzjoni u taħriġ inklużivi u ta’ kwalità għolja, fil-livelli kollha, kif ukoll id-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim, huma fundamentali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ soċjetà Ewropea koeżiva. It-tagħlim dwar il-wirt kulturali komuni u d-diversità tal-Ewropa, u fehim b’saħħtu tal-oriġini u l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea hu għarfien essenzjali għal kull ċittadin tal-UE.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Valuri Komuni, l-Edukazzjoni Inklużiva u d-Dimensjoni Ewropea tat-Tagħlim ġiet proposta mill-Kummissjoni u adottata mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tippromwovi sens ta’ appartenenza - billi twassal valuri komuni, tipprattika edukazzjoni inklużiva u tgħallem dwar l-Ewropa u l-Istati Membri kollha tagħha biex tgħin jiżdied sens ta’ appartenenza għall-iskola, il-lokalità, il-pajjiż, u kif ukoll il-familja Ewropea ta’ dak li jkun.
Ir-Rakkomandazzjoni tfittex ukoll li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, li tiġġieled il-ksenofobija, ir-radikalizzazzjoni, in-nazzjonaliżmu diviżiv u it-tixrid tal-aħbarijiet foloz. Għandha l-għan li tikseb dawn l-għanijiet billi:
- Tippromwovi valuri komuni fl-istadji kollha tal-edukazzjoni
- Trawwem aktar edukazzjoni inklużiva
- Tħeġġeġ dimensjoni Ewropea tat-tagħlim filwaqt li ssaħħaħ il-kompetenza tal-amministrazzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam
- Toffri firxa diversa tal-appoġġ lill-għalliema u lill-istituzzjonijiet edukattivi
Dawn l-azzjonijiet huma f’konformità max-xogħol li qed isir bħalissa fil-livell tal-UE biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-għodda u l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE - b’mod partikolari, il-programm Erasmus+, u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej - jibqgħu jagħmlu kontribut b’saħħtu għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.