Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 13
In-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-istudji u l-karrieri diġitali, l-istess bħal f’oqsma oħra tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija u tal-matematika (STEM, science, technology, engineering and maths).
In-nisa jirrappreżentaw biss 1 minn kull 3 gradwati STEM (Eurostat, 2022), u 1 minn kull 5 speċjalisti fl-ICT (ir-Rapport dwar il-progress fid-deċennju diġitali, 2024). Barra minn hekk, in-nisa jirrappreżentaw 24 % biss tal-professjonisti li jaħdmu għal rashom fi professjonijiet tekniċi, bħax-xjenza, l-inġinerija u l-ICT (l-istudju “She Figures”, 2021).
Meta jkunu għadhom żgħar, il-bniet ġeneralment imorru aħjar mis-subien fil-qasam tal-litteriżmu fil-kompjuter u fl-informazzjoni (ICILS, 2023). Madankollu meta jikbru u jilħqu livelli ogħla tal-edukazzjoni, il-bniet għandhom it-tendenza li jżommu ’l bogħod mis-suġġetti STEM u tal-ICT.
Il-pass li bih qed jinbidlu l-affarijiet mhuwiex promettenti. Bejn l-2012 u l-2016, is-sehem tan-nisa f’impjiegi fil-qasam tal-ICT fl-Unjoni Ewropea (UE) żdied biss b’0.5 punti perċentwali (l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Women and men in ICT).
Madankollu, l-għadd ta’ xjenzjati u inġiniera nisa fl-UE żdied kemxejn – minn 39 % fl-2011 għal 41 % fl-2020.
X'qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea?
Il-Kummissjoni Ewropea qed tmexxi attivitajiet ewlenin biex tgħin lill-istudenti nisa żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet diġitali u intraprenditorjali tagħhom.
L-għan hu li jiżdied l-għadd ta’ nisa li jistudjaw, jaħdmu u jagħmlu negozju fl-oqsma diġitali u STEM, kif ukoll tittejjeb l-inklużjoni tan-nisa fl-ekonomija diġitali.
Attivitajiet ewlenin
Il-Kummissjoni qed tappoġġa opportunitajiet ġodda għall-bniet u n-nisa bis-saħħa ta’:
- taħriġ fil-ħiliet diġitali u intraprenditorjali għall-bniet fl-edukazzjoni sekondarja, permezz tal-pjattaforma online ddedikata għat-tagħlim, Girls Go Circular
- festivals ESTEAM f’pajjiżi differenti tal-UE li jgħinu lin-nisa jtejbu l-ħiliet diġitali u intraprenditorjali tagħhom u jużawhom b’aktar kunfidenza biex jisfruttaw l-opportunitajiet, jinnovaw u joħolqu valur għas-soċjetà (ESTEAM hi l-akronimu ta’ entrepreneurship, science, technology, engineering, arts and mathematics – intraprenditorija, xjenza, teknoloġija, inġinerija, arti u matematika)
- programmi ġodda ta’ edukazzjoni għolja għall-inġinerija u l-ICT, ibbażati fuq l-approċċ STEM. Dan jinkludi l-għajnuna biex jiġu stabbiliti pjattaformi STEM nazzjonali (li jibbażaw fuq il-Koalizzjoni STEM tal-UE) u tixrid tar-riżultati tal-proġetti ffinanzjati mill-Erasmus+ u l-prattika tajba ġġenerati mill-alleanzi tal-Universitajiet Ewropej
Riżultati miksuba u dawk mistennija
- mill-2022 – 21 festival ESTEAM laħqu aktar minn 4 400 mara u tifla fi 38 pajjiż
- sal-2024 – 47 000 studenta żgħażugħa rċevew taħriġ fl-ekonomija ċirkolari u l-ħiliet diġitali fi 30 pajjiż, bl-għajnuna ta’ 18-il modulu ta’ tagħlim f’24 lingwa
- 2025 – l-edizzjoni finali tal-ESTEAM fest, il-pubblikazzjoni tal-gwida ESTEAM
- 2024-2027 – il-bidu tal-programm ambaxxatur, l-espansjoni għall-Balkani tal-Punent, l-iżvilupp tal-korsijiet ta’ taħriġ għall-edukaturi
Finanzjament
Din l-azzjoni hija ffinanzjata minn tliet programmi tal-UE: