Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 7
Il-litteriżmu diġitali qatt ma kien importanti daqs kemm hu llum, f’dinja li kulma tmur aktar qed issir diġitali.
Biex jinnavigaw ix-xenarju diġitali u tal-informazzjoni tal-lum, li dejjem qed jinbidel, in-nies jeħtieġ li jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom, ikunu jafu dak li għandhom ikunu jafu, u jaħsbu b’mod kritiku.
L-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol kruċjali biex iċ-ċittadini jiksbu l-ħiliet tal-ħsieb kritiku li jeħtieġu biex jagħmlu l-ġudizzju tagħhom fid-dinja online, speċjalment fil-kuntest tal-algoritmi, il-“bżieżaq tal-informazzjoni”, u “l-kmamar tal-eku”.
Il-litteriżmu diġitali u l-isfidi tad-diżinformazzjoni
It-tixrid tad-diżinformazzjoni u tal-kontenut dannuż qed jiżdied u qed jitfa’ pressjoni fuq id-demokraziji tagħna u fuq il-benesseri tal-individwi.
Ir-riċerka turi li:
- 36% taż-żgħażagħ fl-UE ivverifikaw kontenut li aċċessaw online (Eurostat, 2024)
- Huma biss 73% taż-żgħażagħ li jemmnu li l-edukazzjoni tathom il-ħiliet diġitali biex jidentifikaw id-diżinformazzjoni (Ewrobarometru, 2024),
- Fost dawk li għandhom 14-il sena, 43% ma jilħqux il-livell bażiku tal-ħiliet diġitali (ICILS, 2023)
Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali identifikat tliet ħiliet essenzjali għal-litteriżmu diġitali:
- li nagħrfu bejn il-fatti u l-informazzjoni falza
- li nimmaniġġjaw l-eċċess tal-informazzjoni
- li ninnavigaw online mingħajr periklu
Attivitajiet ewlenin
Fl-2022, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida biex tgħin lill-għalliema u lill-edukaturi jippromwovu l-litteriżmu diġitali u jindirizzaw id-diżinformazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Il-linji gwida huma mfasslin għall-għalliema tal-primarja u tas-sekondarja b’għarfien speċjalizzat tal-edukazzjoni diġitali jew mingħajru. Jipprovdu gwida konkreta, inklużi suġġerimenti prattiċi u pjanijiet ta’ attivitajiet.
Magħhom hemm rapport finali li jiġbor flimkien is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin.
Il-linji gwida u r-rapport finali ġew żviluppati bl-appoġġ ta’ grupp informali ta’ esperti tal-Kummissjoni. Il-membri tiegħu jiġbru l-għarfien espert mingħand il-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-akkademja, ix-xandir, u s-settur privat, fost l oħrajn.
Ir-riżultati previsti
- aktar għarfien u tagħrif fost in-nies dwar id-diżinformazzjoni
- fehim iktar mifrux tal-litteriżmu diġitali, miksub permezz tal-edukazzjoni u tat-taħriġ
- użu responsabbli u sikur tat-teknoloġiji diġitali
Kalendarju
- Ottubru 2022 — il-pubblikazzjoni tal-linji gwida u tar-rapport finali tal-grupp ta’ esperti
- Tmiem l-2025 — il-pubblikazzjoni tal-linji gwida aġġornati biex jirriflettu l-isfidi emerġenti u l-evoluzzjoni tal-aħjar prattiki
Il-finanzjament
Din l-azzjoni tirċievi finanzjament permezz tal-programm Erasmus+.