Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 2

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għall-użu f’daqqa u fuq skala kbira ta’ prattiki ta’ tagħlim diġitali. Il-firxa ta’ soluzzjonijiet stabbiliti biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija wiesgħa u tinkludi prattiki kemm ta’ teknoloġija ta’ livell baxx kif ukoll ta’ teknoloġija avvanzata, b’differenzi kbar bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE). 

Livelli ogħla ta’ kapaċità diġitali u esperjenza b’forom alternattivi u flessibbli ta’ tagħlim wasslu għal reazzjonijiet aktar veloċi u aktar effettivi. 

L-evidenza tenfasizza d-differenzi bejn il-livelli u s-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja komplew bil-lezzjonijiet tagħhom virtwalment, filwaqt li ħafna skejjel kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju ma kellhomx għarfien espert u kellhom diffikultà biex joffru opportunitajiet ta’ tagħlim mill-bogħod u online lill-istudenti kollha tagħhom. 

F’dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tiddeskrivi kif jistgħu jitħalltu b’mod effettiv ambjenti u għodod differenti ta’ tagħlim biex jiżdiedu l-inklużività u l-flessibbiltà tal-edukazzjoni tal-iskola primarja u sekondarja online u mill-bogħod.

Objettivi

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bl-għan li tiżviluppa fehim kondiviż fil-livell tal-UE ta’ approċċi effettivi, inklużivi u impenjati lejn it-tagħlim mill-bogħod, online u mħallat. 

L-iskop huwa li jingħata appoġġ lill-Istati Membri fl-adattament tas-sistemi edukattivi skolastiċi tagħhom biex ikunu aktar flessibbli u inklużivi b’firxa wiesgħa ta’ metodi pedagoġiċi, għodod teknoloġiċi, ħtiġijiet tal-istudenti u ċirkostanzi li qed jinbidlu.

Ikkuntattjana

Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar din l-azzjoni, tista’ tikkuntattjana permezz tal-email
EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu.

Segwi lil @EUDigitalEdu fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali kollu.


Immaġni tal-header: © L-Unjoni Ewropea, 2021.