Is-SELFIE għandha bażi b’saħħitha fir-riċerka u ġiet żviluppata abbażi tal-qafas dwar il-promozzjoni tat-tagħlim fl-era diġitali f’organizzazzjonijiet edukattivi tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-SELFIE tiġbor b’mod anonimu il-fehmiet tal-istudenti, tal-għalliema u tal-kapijiet tal-iskola dwar kif tintuża t-teknoloġija fl-iskola tagħhom. Dan isir bl-użu ta’ dikjarazzjonijiet qosra u mistoqsijiet u skala sempliċi ta’ tweġibiet minn 1-5. Il-mistoqsijiet u d-dikjarazzjonijiet jieħdu madwar 20 minuta biex jimtlew.
Abbażi ta’ dan l-input, l-għodda tiġġenera rapport – ritratt (“SELFIE” :-)) tal-punti tajbin u tan-nuqqasijiet ta’ skola fl-użu tagħha tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment.
Is-SELFIE hija disponibbli għall-iskejjel primarji, sekondarji u vokazzjonali fl-Ewropa u lil hinn minnha, u f’aktar minn 30 lingwa. Din tista’ tintuża minn kwalunkwe skola – mhux biss minn dawk b’livelli avvanzati ta’ infrastruttura, tagħmir u użu ta’ teknoloġija.
Ara kif SELFIE tittratta d-data u l-privatezza tiegħek
Imfassla mill-iskejjel u għalihom
Is-SELFIE hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u hija ffinanzjata permezz tal-programm Erasmus. Hija bla ħlas għall-iskejjel kollha.
L-għodda ġiet żviluppata ma’ tim ta’ esperti minn skejjel, ministeri tal-edukazzjoni u istituzzjonijiet ta’ riċerka fl-Ewropa kollha. Fost l-istituzzjonijiet sħab hemm il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u l-Istitut tal-UNESCO għat-Teknoloġiji tal-Informatika fl-Edukazzjoni.
Il-kapijiet tal-iskola, l-għalliema u l-istudenti kienu involuti fil-ħolqien u fl-ittestjar tas-SELFIE:
- 5,000 membru tal-istaff u student taw l-input tagħhom fid-disinn bikri tal-għodda.
- 67,000 persuna, minn 650 skola fl-Ewropa kollha, ħadu sehem fit-test pilota.
- Is-SELFIE ġiet ttestjata fl-iskejjel primarji biex jiġi żgurat li tista’ tinftiehem minn studenti iżgħar fl-età
Benefiċċji
Komprensiva
Is-SELFIE tinvolvi l-komunità skolastika kollha – il-kapijiet tal-iskejjel, l-għalliema u l-istudenti – fi proċess ta’ 360 grad li jkopri ħafna oqsma ta’ prattika skolastika.
Tista’ tiġi personalizzata
Peress li kull skola hija unika, l-għodda hija adattabbli. L-iskola tiegħek tista’ tagħżel u żżid mistoqsijiet u dikjarazzjonijiet li huma adatti għall-bżonnijiet tiegħek.
Tqabbil tal-esperjenza
Is-SELFIE tippermetti lill-parteċipanti kollha jwieġbu mistoqsijiet li jaqblu mal-esperjenza tagħhom, bħal studenti, għalliema jew kapijiet tal-iskola.
Bla ħlas u anonimi
Is-SELFIE hija mingħajr ħlas. It-tweġibiet huma anonimizzati u d-data hija sigura.
Imfassal apposta
Ladarba tlesti s-SELFIE, kull skola tirċievi rapport interattiv imfassal speċifikament għaliha li jipprovdi kemm data ddettaljata kif ukoll għarfien ta’ malajr dwar il-punti tajbin u n-nuqqasijiet.