Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Aġġornament tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali

Jeħtieġ li ċ-ċittadini jiksbu fehim bażiku ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti, inkluż l-intelliġenza artifiċjali (IA), sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod kunfidenti, kritiku u sikur bihom.

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 8

Sensibilizzazzjoni akbar se twassal ukoll għal sensibbiltà mtejba lejn kwistjonijiet potenzjali b’rabta mat-teknoloġiji emerġenti relatati mal-etika, is-sostenibbiltà ambjentali, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza elettronika, id-drittijiet tat-tfal, id-diskriminazzjoni u l-preġudizzju — inkluż il-preġudizzju relatat mal-ġeneru, id-diżabbiltajiet, id-diskriminazzjoni etnika u dik razzjali.

Kull Ewropew, inkluż l-istudenti, dawk li qed ifittxu impjieg u l-ħaddiema, jeħtieġ li jkun diġitalment ikkwalifikat biex jadatta għal teknoloġiji ġodda u emerġenti u biex jirnexxi f’soċjetajiet li qed jevolvu b’rata mgħaġġla.

Il-professjonisti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fis-setturi kollha u fil-livelli kollha jeħtieġ li jkunu mgħammra bil-kompetenzi u bil-kunfidenza meħtieġa biex japplikaw b’mod effettiv firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji, inkluż l-IA, fil-ħidma tagħhom.

Objettivi

Il-Kummissjoni Ewropea aġġornat il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp 2.2) biex tinkludi l-ħiliet, l-għarfien u l-attitudnijiet relatati mal-IA u mal-użu tad-data. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ riżorsi tal-apprendiment tal-IA għall-edukazzjoni u għat-taħriġ

L-aġġornament tad-DigComp 2.2 issa jinkludi appendiċi b’iktar minn 70 eżempju li jistgħu jgħinu liċ-ċittadini jifhmu aħjar fejn u f’liema sitwazzjonijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum jistgħu jistennew li jiltaqgħu mas-sistemi tal-IA. Jagħti wkoll eżempji prattiċi tal-modi kif it-teknoloġiji emerġenti jiġu applikati fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

L-għan hu li ċ-ċittadini kollha jingħataw is-setgħa li jsiru utenti kunfidenti, kritiċi u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali xprunati mis-sistemi tal-IA u t-teħid awtonomu tad-deċiżjonijiet, kif ukoll li jtejbu l-fehim tagħhom tal-IA, il-potenzjal u l-limitazzjonijiet tagħha.

Attivitajiet ewlenin

  • 2021
    • it-tnedija tal-ħidma mal-esperti u l-partijiet ikkonċernati tal-Komunità ta’ Prattika tad-DigComp għall-iskambju ta’ materjali, diskussjoni fil-gruppi ta’ ħidma, il-kondiviżjoni tar-riżorsi u l-komunikazzjoni tal-aħħar żviluppi dwar it-teoriji warajha u l-implimentazzjoni tal-edukazzjoni diġitali
    • il-ġabra, il-ħolqien, ir-rieżami u l-għażla ta’ eżempji ta’ għarfien, ħiliet u attitudnijiet relatati ma’ teknoloġiji u servizzi diġitali emerġenti, li jiffurmaw id-dimensjoni 4 tal-qafas
    • l-organizzazzjoni ta’ żewġ laqgħat internazzjonali online li fihom il-parteċipanti qablu dwar il-ħiliet, l-għarfien u l-attitudnijiet relatati mal-IA u l-litteriżmu fid-data inklużi fid-DigComp 2.2
  • 2022

    pubblikazzjoni tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali tad-DigComp 2.2

Finanzjament

Din l-azzjoni tirċievi finanzjament permezz tal-programm Erasmus+.

Iktar informazzjoni

Żur is-sit web tad-DigComp u ssieħeb fil-Komunità ta’ Prattika biex tappoġġa l-iżvilupp tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali.

Ara l-iskeda informattiva tad-DigComp, il-fuljett u l-filmat biex titgħallem iktar.

Last updated: