Ħarsa ġenerali
Il-lingwi jiddefinixxu l-identitajiet personali, iżda jagħmlu wkoll parti minn wirt komuni. Huma jistgħu jservu ta’ pont għal popli u kulturi oħrajn billi jippromwovu l-fehim reċiproku u sens kondiviż ta’ identità Ewropea.
Politiki u inizjattivi effettivi dwar il-multilingwiżmu jistgħu jsaħħu l-opportunitajiet taċ-ċittadini. Il-ħiliet lingwistiċi jistgħu wkoll iżidu l-impjegabbiltà tal-individwi, jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi u d-drittijiet, u jikkontribwixxu għas-solidarjetà permezz ta’ djalogu interkulturali u koeżjoni soċjali mtejba.
L-UE issa għandha tliet alfabetti u 24 lingwa uffiċjali. Xi 60 lingwa oħra huma attwalment mitkellma f’reġjuni partikolari jew minn gruppi speċifiċi. L-immigrazzjoni ġabet ukoll għadd kbir ta’ lingwi addizzjonali fl-UE. Huwa stmat li bħalissa hawn minn tal-inqas 175 nazzjonalità jgħixu ġol-konfini tal-UE.
Id-diversità lingwistika hija minquxa fl-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi huwa element fundamentali tal-Karta. Hija tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal grupp ta’ minoranza u titlob rispett għad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika fl-Unjoni kollha. Il-Kummissjoni tiżgura li d-drittijiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni, jiġu rispettati meta tiġi implimentata l-liġi tal-UE.
Madankollu, l-Istati Membri għandhom id-dritt esklużiv li jiddefinixxu jew jirrikonoxxu l-minoranzi nazzjonali fi ħdan il-fruntieri tagħhom, inklużi d-drittijiet ta’ gruppi ta’ minoranza għall-awtodeterminazzjoni (kif stabbilit fil-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali). Dan id-dritt jestendi għal-lingwi minoritarji nazzjonali jew reġjonali.
Il-pajjiżi kollha għandhom gradi differenti ta’ diversità lingwistika u modi differenti għall-ġestjoni ta’ din id-diversità. Tista’ ssib ħafna approċċi pedagoġiċi interessanti f’reġjuni bilingwi u klassijiet multilingwi fl-Ewropa kollha. L-Eurydice, in-network tal-Unjoni Ewropea ta’ unitajiet nazzjonali għall-analiżi tal-edukazzjoni bbażata fil-pajjiżi tal-programm Erasmus+ kollha, inkludiet miżuri ta’ appoġġ għat-tagħlim ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji fl-edizzjoni tal-2017 ta’ Data Ewlenija dwar il-lingwi fl-iskejjel fl-Ewropa. Pubblikazzjoni aktar riċenti tal-Eurydice tipprovdi ħarsa ġenerali speċifika li tiffoka fuq il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni biex jappoġġjaw it-tagħlim tal-lingwi reġjonali u minoritarji fl-iskola.
Kif l-UE tippromwovi d-diversità lingwistika
Kull sena fis-26 ta’ Settembru, il-Kummissjoni tingħaqad mal-Kunsill tal-Ewropa, maċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni (ECML), mal-istituzzjonijiet lingwistiċi u maċ-ċittadini fl-Ewropa kollha biex tippromwovi d-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi permezz tal-Jum Ewropew tal-Lingwi. Din l-inizjattiva tiċċelebra d-diversità lingwistika permezz ta’ firxa ta’ avvenimenti, u attivitajiet varji.
Il-programmi ta’ Edukazzjoni u Kultura tal-UE se jkomplu l-istorja tagħhom ta’ appoġġ għall-proġetti ta’ tagħlim tal-lingwi. Permezz ta’ programmi ta’ finanzjament bħall-Erasmus+ u l-Ewropa Kreattiva, l-Unjoni Ewropea tappoġġja t-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika permezz ta’, pereżempju, programmi ta’ mobbiltà, proġetti ta’ kooperazzjoni u l-appoġġ għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Bis-saħħa ta’ dawn il-programmi, ħafna proġetti ta’ suċċess jippromwovu t-tagħlim u l-viżibilità tal-lingwi reġjonali u minoritarji fl-Ewropa. Tista’ ssib xi eżempji fis-sommarju tal-Eurydice dwar it-tagħlim ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji fl-iskejjel fl-Ewropa.
L-Ewropa Kreattiva jappoġġja wkoll it-traduzzjoni letterarja biex jippermetti aċċess usa’ għal xogħlijiet letterarji importanti u biex tinżamm id-diversità lingwistika fl-UE.