Opportunitajiet ta’ tagħlim flessibbli u inklużivi
Mikrokredenzjal hu kwalifika li tixhed l-eżiti tat-tagħlim miksubin permezz ta’ kors jew modulu qasir, ivvalutat b’mod trasparenti. Il-mikrokredenzjali jistgħu jitlestew fuq il-post, online jew f’format imħallat.
In-natura flessibbli ta’ dawn il-kwalifiki tippermetti li jinfetħu opportunitajiet ta’ tagħlim għaċ-ċittadini, inklużi dawk f’impjieg full-time.
Dan jagħmel il-mikrokredenzjali forma flessibbli ħafna u inklużiva ta’ tagħlim li tippermetti l-kisba mmirata ta’ ħiliet u kompetenzi.
Il-mikrokredenzjali huma offruti minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), kif ukoll minn organizzazzjonijiet privati.
Dawn jistgħu jkunu partikolarment utli għan-nies li jridu:
- jibnu fuq l-għarfien tagħhom mingħajr ma jlestu programm sħiħ ta’ edukazzjoni għolja
- itejbu l-ħiliet jew taħriġ mill-ġdid biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol jew biex jiżviluppaw professjonalment wara l-bidu tax-xogħol
Konsultazzjoni pubblika
Fl-20 ta’ April 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà.
Il-konsultazzjoni pubblika tfittex li tiġbor ideat għall-iżvilupp ta’ definizzjoni komuni għall-mikrokredenzjali, l-istandards tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-kwalità u t-trasparenza tagħhom u l-passi li jmiss li għandhom jittieħdu fil-livelli istituzzjonali, nazzjonali u tal-UE.
Il-konsultazzjoni pubblika se tkun miftuħa sat-13 ta’ Lulju 2021 sa 23:59 Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali (CEST).
Ħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika u aqsam il-fehmiet tiegħek illum!
Għaliex hu meħtieġ approċċ Ewropew
Fl-Ewropa, numru dejjem jikber ta’ ċittadini jeħtieġu jaġġornaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom biex jimlew il-lakuni bejn l-edukazzjoni formali tagħhom u l-ħtiġijiet ta’ soċjetà u ta’ suq tax-xogħol li qed jinbidlu malajr.
L-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jirrikjedu wkoll li l-individwi jtejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid.
Iż-żamma u l-kisba ta’ kompetenzi ġodda huma essenzjali wkoll biex jippermettu l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, biex jiġi żgurat l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali kontinwu u biex tingħata spinta lill-impjegabbiltà u l-innovazzjoni soċjoekonomika.
Madankollu, mingħajr standards komuni li jiżguraw il-kwalità, it-trasparenza, il-komparabbiltà transfruntiera, ir-rikonoxximent u l-portabbiltà, il-mikrokredenzjali ma jistgħux jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
Il-Kummissjoni, għalhekk, tfittex li tiżviluppa definizzjoni komuni u standards Ewropej għall-mikrokredenzjali, li huma indipendenti mill-korp tal-għoti, billi tibni kemm jista’ jkun fuq l-għodod eżistenti.
L-intenzjoni li jiġi żviluppat approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali tħabbret:
- fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030)
- fl-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet
- fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027)
Grupp ta’ konsultazzjoni tal-mikrokredenzjali: rakkomandazzjonijiet
Fir-rebbiegħa tal-2020, il-Kummissjoni stabbilixxiet grupp ta’ konsultazzjoni ad hoc iffurmat minn esperti fl-edukazzjoni għolja, inklużi prattikanti, membri ta’ aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u kelliema mistiedna mill-Ewropa kollha.
Il-grupp kellu 3 laqgħat virtwali bejn is-26 ta’ Mejju u s-17 ta’ Settembru 2020 u ppropona definizzjoni Ewropea komuni, karatteristiċi komuni u pjan direzzjonali ta’ azzjonijiet.
Dan il-pjan direzzjonali jippreżenta suġġerimenti għal azzjonijiet meħtieġa fil-livelli Ewropej u nazzjonali biex jiġi żviluppat u implimentat approċċ Ewropew u jipproponi skeda ta’ żmien.
Il-pjan direzzjonali jiffoka fuq l-azzjonijiet li ġejjin:
- l-iżvilupp ta’ standards komuni Ewropej għall-kwalità u t-trasparenza, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti (il-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-atturi tas-suq tax-xogħol, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, is-soċjetà ċivili, il-kmamar tal-kummerċ, l-impjegaturi mill-Istati Membri kollha tal-UE u l-pajjiżi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja)
- l-esplorazzjoni tal-inklużjoni tal-mikrokredenzjali fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki b’referenza possibbli għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki
- l-iżvilupp ta’ lista ta’ fornituri fdati u t-trawwim ta’ proċessi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità
- l-esplorazzjoni ta’ kif is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) tista’ tintuża fil-kuntest ta’ mikrokredenzjali f’livelli edukattivi oħrajn u f’setturi oħrajn
- il-ħidma fuq linji gwida għal rikonoxximent aktar rapidu billi jiġu adattati l-istrumenti eżistenti ta’ validazzjoni u rikonoxximent jew billi jiġu żviluppati oħrajn ġodda
- it-tħaffif għall-individwi biex jaħżnu u juru l-mikrokredenzjali tagħhom permezz tal-Europass u l-infrastruttura tal-kredenzjali diġitali tiegħu, kif ukoll l-inizjattiva tal-Karta Ewropea tal-Istudenti
- l-użu tal-mikrokredenzjali biex jitjieb l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja billi tiġi żgurata permeabbiltà aħjar bejn is-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tiġi żgurata għażla infurmata tal-istudenti billi jiġu estiżi s-servizzi ta’ gwida bbażati fuq data tas-suq tax-xogħol f’ħin reali
- l-għoti ta’ appoġġ tal-UE permezz tal-Programm Erasmus+ u l-Fondi Strutturali għall-edukazzjoni għolja, il-VET u istituzzjonijiet u fornituri oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi promoss l-użu tal-mikrokredenzjali
L-azzjonijiet issuġġeriti jikkonċentraw prinċipalment fuq l-edukazzjoni għolja, iżda jindirizzaw ukoll livelli u setturi oħrajn tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Il-passi li jmiss
Dawn ir-riżultati se jikkontribwixxu għal konsultazzjonijiet usa’ li jkopru s-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jikkontribwixxu għat-tħejjija ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà sa tmiem l-2021.
Immaġni tal-header: © L-Unjoni Ewropea, 2020.