Skip to main content
European Education Area home page European Education Area home page

European Education Area

Quality education and training for all

Dwar il-politika tal-iskejjel

Appoġġ tal-UE għall-politika tal-iskejjel

Il-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi nazzjonali b’żewġ modi ewlenin:

  • Hi taħdem mill-qrib ma’ dawk li jfasslu l-politika nazzjonali biex tappoġġjahom fl-iżvilupp ta’ politiki u sistemi tal-edukazzjoni skolastika, inkluż il-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri bħala parti mis-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni tiġbor u tikkondividi informazzjoni u analiżi, u tħeġġeġ l-iskambju ta’ żvilupp u approċċi ta’ politika. Mod minnhom hu permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma ET2020. Mill-2016 ’l hawn, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Iskejjel kellu mandat wiesa’ biex jiżviluppa l-governanza tas-sistemi edukattivi tal-iskejjel biex jippromwovi livell ogħla tal-kwalità mtejba billi jissaħħu l-innovazzjoni u l-inklużjoni sostenibbli.
  • Permezz tal-programm Erasmus+, il-Kummissjoni tipprovdi kontribuzzjonijiet sinifikanti għall-proġetti ta’ kooperazzjoni Ewropea li jippromwovu l-mobbiltà għall-għalliema u l-istudenti.

Oqsma ta’ prijorità

Il-ministri tal-edukazzjoni mill-pajjiżi tal-Istati Membri tal-UE identifikaw l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin:

  • L-istudenti kollha għandhom jiżviluppaw Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Dan jista’ jiġi appoġġjat permezz ta’ tfassil mill-ġdid ta’ kurrikuli u valutazzjonijiet, l-għoti ta’ taħriġ għall-istaff tal-iskejjel, u t-tisħiħ tad-disponibbiltà u l-użu ta’ għodod u riżorsi ta’ tagħlim ta’ kwalità tajba.
  • Kull student għandu jibbenefika minn esperjenzi ta’ tagħlim ta’ kwalità għolja u l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal għandhom ikun disponibbli b’mod aktar wiesa’.
  • L-appoġġ għal dawk li qed jitgħallmu bi bżonnijiet edukattivi speċjali, inklużi l-migranti lejn l-UE, irid jittejjeb fil-livell tal-iskejjel, u t-Tluq Bikri mill-Iskola għandu jitnaqqas.
  • L-għalliema, il-kapijiet tal-iskejjel u l-edukaturi tal-għalliema jeħtieġu jirċievu aktar appoġġ, inklużi opportunitajiet kontinwi għall-iżvilupp professjonali u għażliet ta’ karrieri attraenti u flessibbli.
  • L-assigurazzjoni tal-kwalità għandha tkun żviluppata aktar biex tkun żgurata governanza aktar effikaċi, ekwa u effiċjenti ta’ edukazzjoni skolastika u biex tkun faċilitata l-mobbiltà ta’ dawk li jwettqu u jwasslu l-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-qafas tal-Kooperazzjoni Politika Ewropea (ET 2020) biex trawwem il-kooperazzjoni fil-bini tal-aħjar prattiki fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Hi tipproduċi wkoll studji regolari dwar is-sitwazzjoni fl-Ewropa kollha biex timmonitorja l-progress rigward l-iżvilupp u r-riforma tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ.

Il-futur tal-politika dwar l-iskejjel fl-UE

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja tipprovdi evidenza u tipproponi azzjonijiet biex jittejbu l-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni skolastika, il-kompetenzi tal-għalliema u l-mexxejja tal-iskejjel, u l-governanza tal-iskejjel. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah jipprovdi evidenza b’appoġġ għall-proposti magħmula fi ħdan il-Komunikazzjoni.

Fil-Komunikazzjoni Nibnu Ewropa iktar b’saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura, il-Kummissjoni pproponiet it-tieni pakkett ta’ inizjattivi li jenfasizza r-rwol ewlieni li għandhom l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-kultura fil-bini tal-futur tal-Ewropa.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-Edukazzoni u l-Kultura tistabbilixxi l-viżjoni ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Hi tidentifika l-mobbiltà, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u ta’ perjodi ta’ studju barra mill-pajjiż, it-tagħlim tal-lingwi, l-Edukazzjoni u l-Kura Bikrija tat-Tfal, il-professjoni tat-tagħlim, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji diġitali bħala oqsma ewlenin għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika.