Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Spjegazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

L-inizjattiva taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jibnu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi.

Għaliex qed nibnu ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni?

L-edukazzjoni hi l-pedament għas-sodisfazzjon personali, l-impjegabbiltà, u ċ-ċittadinanza attiva u responsabbli. Hi essenzjali għall-vitalità tas-soċjetajiet u l-ekonomiji Ewropej. L-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi hu dritt għaċ-ċittadini kollha, kif minqux fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tenfasizza li hu essenzjali li jiġi evitat li l-ostakli strutturali għat-tagħlim u l-iżvilupp tal-ħiliet ikollhom impatt fuq il-prospetti ta’ impjieg u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fis-soċjetà.

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni se taħdem f’sinerġija mal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tisfrutta l-għarfien, u b’hekk issir il-pedament tal-irkupru u l-prosperità tal-Ewropa.

Oqsma ta’ prijorità għall-kollaborazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) qed jaħdmu biex jiksbu l-viżjoni kollettiva tagħhom għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq

Ara x’qed tagħmel l-UE f’kull qasam tal-edukazzjoni

Approċċ imsaħħaħ għall-kisba tal-EEA

L-idea li tinħoloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ġiet approvata għall-ewwel darba mill-mexxejja Ewropej fis-Summit Soċjali tal-2017 f’Gothenburg, l-Iżvezja. L-ewwel pakketti ta’ miżuri ġew adottati fl-2018 u fl-2019.

Bħala riżultat ta’ għexieren ta’ snin ta’ kooperazzjoni mill-qrib, diġà sar progress sinifikanti, bi

  • kważi 95% tat-tfal jattendu l-edukazzjoni bikrija tat-tfal mill-età ta’ 4 snin.
  • aktar minn 40% tal-adulti żgħażagħ li jiksbu kwalifika ta’ edukazzjoni għolja
  • kważi 90% taż-żgħażagħ li jitilqu mill-edukazzjoni b’diploma sekondarja għolja jew reġistrazzjoni f’taħriġ
  • 80% tal-gradwati reċenti tal-Erasmus+ li kisbu impjieg f’anqas minn 3 xhur wara li ggradwaw

Dawn ir-riżultati jirrappreżentaw progress qawwi, iżda għad hemm bżonn ta’ aktar ħidma, b’mod partikolari rigward

  • is-sehem ta’ dawk li għandhom 15-il sena b’kapaċità baxxa fil-qari, il-matematika u x-xjenza
  • il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni ddeskriviet il-viżjoni mġedda tagħha għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-azzjonijiet konkreti biex din tinkiseb f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill tal-UE wieġeb bir-Riżoluzzjoni ta’ Frar 2021 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu 2021-2030.

F’Novembru 2022, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport ta’ Progress tagħha lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Ir-rapport jenfasizza l-ħidma li saret s’issa, u l-isfidi li għad iridu jiġu indirizzati.

Il-passi li jmiss

Fl-2023, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati oħrajn biex jissieħbu fil-proċess ta’ rieżami ta’ nofs it-terminu taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Dan jiffoka fuq it-tagħlimiet miksuba mill-ewwel snin u l-bini ta’ momentum u impenn sal-2025.

Fl-2025 hu previst rapport sħiħ dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Il-qafas strateġiku taż-ŻEE

Il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ se jikkontribwixxi għall-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni bis-saħħa

  • tal-appoġġ lill-Istati Membri tal-UE bir-riformi tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ
  • tat-tisħiħ tas-sinerġiji ma’ oqsma oħrajn ta’ politika, bħar-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika soċjali, l-impjiegi u ż-żgħażagħ, kif ukoll mal-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE biex jiġu appoġġjati aħjar ir-riformi nazzjonali
  • tal-identifikazzjoni ta’ miri u indikaturi biex jiggwidaw ix-xogħol u jimmonitorjaw il-progress

Il-qafas strateġiku jipprovdi l-istruttura essenzjali għall-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin biex tinkiseb il-viżjoni kollettiva tagħhom.

Il-kontenut u l-istruttura tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri jibqgħu l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali u/jew reġjonali rilevanti.