Għaliex l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma importanti?
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jipprovdu lill-istudenti b’ħiliet essenzjali li jappoġġjaw l-iżvilupp personali tagħhom, itejbu l-impjegabbiltà tagħhom u jinkoraġġixxu ċ-ċittadinanza attiva. Il-VET jagħtu spinta lill-prestazzjoni tal-intrapriża, il-kompetittività, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-sistemi tal-VET fl-Ewropa jiddependu fuq network żviluppat sew ta’ partijiet ikkonċernati tal-VET. Dawn in-networks jitmexxew bl-involviment tas-sħab soċjali bħalma huma l-impjegaturi u t-trade unions, u f’korpi differenti, pereżempju kmamar, kumitati u kunsilli.
Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali (I-VET)
L-I-VET normalment isiru fil-livell sekondarju għoli u fil-livell postsekondarju, qabel id-dħul fil-ħajja tax-xogħol tal-istudenti. Dawn iseħħu f’ambjent ibbażat fl-iskejjel (bil-maġġoranza tat-tagħlim isir fi klassi) jew f’ambjent ibbażat fuq post tax-xogħol, bħalma huma ċentri ta’ taħriġ jew kumpaniji.
Bħala medja, 50% taż-żgħażagħ bejn 15 u 19-il sena jipparteċipaw fl-I-VET fil-livell sekondarju għoli. Madankollu, din il-medja tal-UE taħbi differenzi ġeografiċi sinifikanti fil-parteċipazzjoni li jvarjaw minn rati ta’ anqas minn 15% għal aktar minn 70%.
VET kontinwi (C-VET)
Is-C-VET iseħħu wara l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali jew wara l-bidu tal-ħajja tax-xogħol. Huma għandhom l-għan li jaġġornaw l-għarfien, li jgħinu liċ-ċittadini jiksbu ħiliet ġodda, jerġgħu jipprovdu taħriġ jew jipprovdu aktar żvilupp personali u professjonali. Fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq ix-xogħol.
X’qed tagħmel l-UE fil-qasam tal-VET?
Il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tmur lura għall-2002 u l-Proċess ta' Copenhagen. Din kompliet tissaħħaħ matul is-snin, pereżempju bil-Communiqué ta’ Bruges u l-Konklużjonijiet ta’ Riga.
L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ġew identifikati bħala qasam ta’ prijorità għall-kooperazzjoni taħt l-inizjattiva taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għall-perjodu 2021-2030.
X’inhu l-għan tagħna?
Permezz tal-Kunsill tal-UE, l-Istati Membri stabbilixxew il-mira li sal-2025 mill-anqas 60% tal-gradwati reċenti mill-VET għandhom jibbenefikaw minn esponiment għal tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol matul l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom.
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2020 dwar il-VET
Fl-24 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill tal-UE adotta Rakkomandazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza. Ir-Rakkomandazzjoni tiddefinixxi l-prinċipji ewlenin biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu aġli fis-sens li jadattaw malajr għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-adulti.
Dan iqiegħed enfasi qawwija fuq il-flessibbiltà miżjuda tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, opportunitajiet imsaħħa għal tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol, apprendistati u assigurazzjoni ta’ kwalità mtejba.
Ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi wkoll ir-Rakkomandazzjoni dwar l-EQAVET – Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali – u tinkludi Qafas tal-EQAVET aġġornat b’indikaturi tal-kwalità u deskritturi. Hi tirrevoka dik li qabel kienet ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ECVET.
Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück 2020
Fit-30 ta’ Novembru 2020, il-ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, il-Pajjiżi Kandidati, il-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA (Żona Ekonomika Ewropea – Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles), is-sħab soċjali Ewropej u l-Kummissjoni approvaw id- “Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück 2020 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala faċilitatur tal-irkupru u ta' tranżizzjonijiet ġusti lejn ekonomiji diġitali u ekoloġiċi”.
Id-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück hi appoġġjata mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tal-fornituri tal-VET fil-livell Ewropew (VET4EU2) u mir-rappreżentanti tal-istudenti tal-VET (OBESSU, Network Ewropew tal-Apprendisti).
Din tistabbilixxi azzjonijiet ta’ politika ġodda għall-perjodu 2021-2025 biex jikkomplementaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza:
- il-promozzjoni tar-reżiljenza u l-eċċellenza permezz ta’ VET ta’ kwalità, inklużivi u flessibbli
- l-istabbiliment ta’ kultura ġdida ta’ tagħlim tul il-ħajja li tenfasizza r-rilevanza tas-C-VET u d-diġitalizzazzjoni
- it-trawwim tas-sostenibbiltà tal-VET
- l-iżvilupp ta’ Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni u Taħriġ u VET internazzjonali
Il-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali approva opinjoni dwar il-futur tal-VET li se tikkontribwixxi għax-xogħol politiku tal-Kummissjoni lil hinn mill-2020.
Qafas strateġiku taż-ŻEE
Bħala parti mill-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għall-perjodu 2021-2030, ġie stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u t-tranżizzjoni ekoloġika u s-sottogrupp tal-grupp dwar l-iskejjel li jiffukaw fuq l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali. Il-Gruppi se jinkoraġġixxu t-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri.