Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali
Il-ħiliet diġitali huma indispensabbli – għat-tagħlim, għax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum. Ekonomija u soċjetà li qed jinbidlu malajr u xprunati mit-teknoloġija jeħtieġu li kulħadd ikollu ħiliet diġitali.
Problemi fir-rikonoxximent tal-ħiliet diġitali
Madankollu, il-ħiliet diġitali spiss jistgħu jiġu “mitlufa fit-traduzzjoni” u jkun diffiċli li n-nies jingħataw rikonoxximent tagħhom. Parzjalment dan hu minħabba l-eżistenza ta’ diversità kbira ta’ skemi ta’ taħriġ u ċertifikazzjoni tal-ħiliet diġitali prodotti minn diversi organizzazzjonijiet u gvernijiet.
Huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea qed tesplora l-iżvilupp ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali (EDSC) biex tgħin lin-nies ikollhom il-ħiliet diġitali tagħhom rikonoxxuti malajr u faċilment mill-impjegaturi, mill-fornituri tat-taħriġ u aktar.
L-EDSC se jkun ibbażat fuq il-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali għaċ-Ċittadini (DigComp), li qed ikompli jiġi aġġornat sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiddokumentaw il-ħiliet diġitali miksuba fid-dinja diġitali tal-lum li qed tinbidel b’rata mgħaġġla.
Għanijiet
Iċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali, li se jsegwi sett maqbul ta’ rekwiżiti ta’ kwalità, għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza u r-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjonijiet tal-ħiliet diġitali mill-gvernijiet, l-impjegaturi u partijiet ikkonċernati oħra fl-Ewropa kollha.
Għandu jippermetti lin-nies jindikaw il-livell ta’ kompetenza diġitali tagħhom li jikkorrispondi mal-livelli ta’ profiċjenza ta’ DigComp u jħeġġeġ lill-individwi jiksbu ħiliet diġitali ġodda.
Għandu jipprovdi skema li tkun komplementari għall-iskemi eżistenti (nazzjonali jew internazzjonali) taċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet diġitali u ma tissostitwixxihomx.
L-EDSC jappoġġja l-objettivi ambizzjużi tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet
- se jiżgura li 70% ta’ dawk bejn is-16 u l-74 sena jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2025
- il-mira tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa ta’ minimu ta’ 80% tal-popolazzjoni b’ħiliet diġitali bażiċi sal-2030
Attivitajiet ewlenin
Studju tal-fattibbiltà se jesplora xenarji għaċ-Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali Dan se jimmappja l-iskemi eżistenti taċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet diġitali fl-Ewropa u se jwettaq analiżi tal-lakuni biex jifhem ir-rwol u l-valur ta’ EDSC u kif jista’ jappoġġja r-rikonoxximent tal-ħiliet diġitali fl-Ewropa.
Riżultati mistennija
It-tfassil u proġett pilota ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali (EDSC), li huwa rikonoxxut u aċċettat mill-gvernijiet, l-impjegaturi u partijiet ikkonċernati oħra fl-Ewropa
Kronoloġija
- rebbiegħa 2021 – tnedija tal-Pjattaforma għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali b’opportunitajiet ta’ taħriġ għat-titjib diġitali u t-taħriġ mill-ġdid
- ħarifa 2021 – tnedija tal-għodda għall-awtovalutazzjoni tal-ħiliet diġitali permezz tal-portal tal-Europass
- rebbiegħa 2022 – eżaminazzjoni tal-fattibbiltà, il-konsultazzjoni u l-iżvilupp tal-kunċett flimkien mal-partijiet ikkonċernati
- ħarifa 2023 – prototipi pilota tal-EDSC
- 2024 – tnedija u operazzjoni sħiħa tal-EDSC
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp). fil-fuljett, fil-video u fuq is-sit web taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).
Aktar informazzjoni dwar iċ-Ċertifikazzjoni ta’ Kompetenza Diġitali tista’ tinstab fuq is-sit web All Digital.
Finanzjament
Din l-azzjoni hija ffinanzjata permezz tal-Programm Erasmus+tal-UE.
Ikkuntattjana
Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar din l-azzjoni, tista’ tikkuntattjana b’email fuqEC-EDSC@ec.europa.eu.
Segwi EUDigitalEducation għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitalikollu.