Matul it-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027), il-konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati enfasizzaw il-ħtieġa għal kooperazzjoni u djalogu msaħħa bejn il-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-edukazzjoni diġitali.
Il-frammentazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni diġitali, ir-riċerka u l-prattiki ta’ implimentazzjoni fil-livell Ewropew tqajmu wkoll bħala kwistjonijiet importanti li jdgħajfu l-progress. Diversi kwistjonijiet strutturali relatati mal-edukazzjoni diġitali jestendu lil hinn mill-kuntest u s-settur.
Biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali jlaqqa’ flimkien lill-komunità li taħdem fuq l-edukazzjoni diġitali u jipprovdi spazju ddedikat għall-ħtiġijiet tiegħu ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u ta’ kooperazzjoni.
Għanijiet
Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2020 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali se
- jappoġġja lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) billi jistabbilixxi network ta’ servizzi ta’ konsulenza nazzjonali rigward l-edukazzjoni diġitali għall-iskambju tal-esperjenza u l-prattika tajba dwar il-fatturi abilitanti għall-edukazzjoni diġitali
- jillinkja inizjattivi u strateġiji nazzjonali u reġjonali tal-edukazzjoni diġitali u jgħaqqad l-awtoritajiet nazzjonali, is-settur privat, l-esperti, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-soċjetà ċivili permezz ta’ diversi attivitajiet
- jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni diġitali fl-Ewropa, inkluż permezz ta’ riżultati minn proġetti appoġġjati mill-UE
- jaqsam l-aħjar prattiki billi jikkontribwixxi għall-esperimentazzjoni tar-riċerka u l-ġbir u l-analiżi sistematiċi tal-evidenza empirika, parzjalment permezz tat-tagħlim bejn il-pari
- jappoġġja l-kollaborazzjoni transsettorjali u mudelli ġodda għal skambju mingħajr xkiel ta’ kontenut ta’ tagħlim diġitali, filwaqt li jindirizza kwistjonijiet bħall-interoperabbiltà, il-garanzija tal-kwalità, is-sostenibbiltà ambjentali, l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni u standards komuni għall-edukazzjoni diġitali
- jappoġġja l-iżvilupp rapidu ta’ politika u ta’ prattika billi jservi ta’ “grupp ta’ riflessjoni u ta’ azzjoni” għall-edukazzjoni diġitali u billi jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati fl-innovazzjoni xprunata mill-utent permezz tal-Hackathon tal-Edukazzjoni Diġitali.
Kif se jintlaħqu dawn l-objettivi?
Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali jipprovdi:
- komunità għall-kooperazzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali;
- network ta’ Servizzi ta’ Konsulenza Nazzjonali (NAS) għall-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni diġitali;
- ċentru ta’ riżorsi ġdid ta’ Opportunitajiet ta' Sostenn, Tagħlim u Taħriġ Avvanzat għaż-Żgħażagħ (SALTO) għall-edukazzjoni diġitali;
- opportunitajiet biex jiġu proposti soluzzjonijiet għal kwistjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali permezz tal-Hackathon tal-Edukazzjoni Diġitali.
Il-Komunità taċ-Ċentru toffri:
- spazju transettorjali – komunità li tikkondividi l-għarfien espert, l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet tagħha għall-edukazzjoni diġitali fis-setturi tal-edukazzjoni u t-taħriġ; tippromwovi l-komunikazzjoni, il-kokreazzjoni u l-azzjoni
- kondiviżjoni tal-għarfien u l-immappjar – se tħeġġeġ l-iskambju u l-kooperazzjoni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-immappjar
- l-aċċellerazzjoni tal-prattiki u s-soluzzjonijiet tal-edukazzjoni diġitali – l-aċċellerazzjoni tal-adozzjoni tal-innovazzjoni diġitali fl-edukazzjoni
In-network tal-NAS iġib:
- rabta bejn l-approċċi “minn fuq għal isfel” u “minn isfel għal fuq” ma’ kwistjonijiet ta’ edukazzjoni diġitali billi jiġi stimulat id-djalogu fost l-Istati Membri u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ
- promozzjoni tal-appoġġ bejn il-pari għall-edukazzjoni diġitali
Is-SALTO għall-edukazzjoni diġitali jipprovdi
- gwida u taħriġ għall-istaff tal-Aġenziji Nazzjonali
- identifikazzjoni, skambju u ġbir ta’ eżempji tal-aħjar prattiki – fil-livell tal-proġett jew fil-korpi ta’ implimentazzjoni u ħruġ ta’ pubblikazzjonijiet prattiċi
- gwida u għodod għall-benefiċjarji u l-applikanti
Attivitajiet ewlenin
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati (2021)
Il-Kummissjoni inkorporat b’mod estensiv il-feedback li rċeviet permezz tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 il-ġdid għall-proposta ta’ Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali.
Barra minn hekk, f’konformità mal-approċċ adottat għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-Kummissjoni kkonsultat ukoll għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati dwar il-kunċettwalizzazzjoni taċ-Ċentru. Dan sar permezz ta’ tliet konsultazzjonijiet online ddedikati mmirati lejn il-gruppi li ġejjin:
- il-Grupp ta’ Ħidma tal-ET 2020 dwar l-Edukazzjoni Diġitali: Tagħlim, Apprendiment u Valutazzjoni (WG DELTA ) – 25 ta’ Frar 2021
- il-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – 1 ta’ Marzu 2021
- il-partijiet ikkonċernati kollha interessati fiċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali – 5 ta’ Marzu 2021
Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati kienu jinkludu konverżazzjonijiet miftuħa dwar il-karatteristiċi ewlenin taċ-Ċentru, il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati rigward l-appoġġ għall-edukazzjoni diġitali u l-isforzi biex nifhmu kif partijiet ikkonċernati differenti jistgħu jikkontribwixxu għall-objettivi taċ-Ċentru.
L-iżvilupp ta’ komunità (2021-2022)
Fl-2021, il-ħidma biex tiġi stabbilita u żviluppata l-komunità ta’ prattika bdiet bil-ftuħ ta’ sejħa għall-akkwist ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-moderazzjoni u l-kurazzjoni tal-komunità.
Il-ħidma biex tiġi stabbilita l-komunità ta’ prattika bdiet fi Frar 2022. Wara fażi qasira ta’ pilotaġġ u ttestjar, ir-reġistrazzjoni mal-komunità taċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali issa hija disponibbli permezz tal-portal tal-EEA.
Jekk tixtieq tikkollabora, tiskambja l-aħjar prattiki u tiżviluppa soluzzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati mis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, tista’ tirreġistra għall-komunità taċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali.
Network ta’ Servizzi ta’ Konsulenza Nazzjonali
Minn Ottubru 2021, il-Kummissjoni appoġġat djalogu fi ħdan il-ħolqien ta’ network ta’ Servizzi ta’ Konsulenza Nazzjonali – korpi nazzjonali jew reġjonali li jaħdmu primarjament fuq l-implimentazzjoni tal-politiki tal-edukazzjoni diġitali.
Dan jinkludi aġenziji eżekuttivi, dipartimenti/strutturi fi ħdan ministeru nazzjonali li għandhom mandat ċar għall-implimentazzjoni dwar l-edukazzjoni diġitali, jew korpi nazzjonali u reġjonali li jimplimentaw politiki tal-edukazzjoni diġitali.
In-network jippromwovi l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-edukazzjoni diġitali u jiżgura kooperazzjoni bejn il-pajjiżi.
SALTO
Mill-2022, il-Kummissjoni nediet il-ħidma preparatorja għal ċentru ġdid tar-riżorsi SALTO Diġitali (Opportunitajiet ta' Sostenn, Tagħlim u Taħriġ Avvanzat għaż-Żgħażagħ), li se jiżviluppa bħala ċentru tar-riżorsi li jaħdem biex jappoġġa l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus fid-dimensjoni diġitali tal-programm. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Finlandja nħatret għall-implimentazzjoni ta’ dan in-network ġdid ta’ SALTO, li se jkun operattiv minn Awwissu 2022.
Skeda taż-żmien
- Marzu 2020 - Marzu 2021 – konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inkluża konsultazzjoni pubblika miftuħa
- Ottubru 2021 – l-ewwel laqgħa tas-Servizzi Nazzjonali ta’ Konsulenza
- Frar 2022 – bdiet il-ħidma biex tiġi stabbilita l-komunità ta’ prattika taċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali
- Ġunju 2022 – ftuħ ta’ reġistrazzjonijiet għall-komunità ta’ prattika taċ-Ċentru
- Awwissu 2022 – bidu tal-attivitajiet tas-SALTO
Finanzjament
Din l-azzjoni hija ffinanzjata mill- Programm Erasmus+tal-UE.
Ikkuntattjana
Biex issir taf aktar dwar din l-azzjoni, ikkuntattjana b’email fuq EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu u EACEA-DIGITAL-EDUCATION-HUB@ec.europa.eu.
Segwi lill-EUDigitalEducation fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali kollu.