Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ

Sabiex iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ssir realtà sal-2025, hu meħtieġ livell adegwat ta’ investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ filwaqt li jiġu żgurati l-kwalità, l-effettività u l-effiċjenza tagħha. 

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, grupp ta’ esperti dwar investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ se jappoġġja dan il-proċess billi jgħin biex jinżamm fokus fuq l-investiment nazzjonali u reġjonali.

Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ speċifiku lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex tiffaċilita t-tagħlim reċiproku, l-analiżi u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-edukazzjoni.

L-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ se jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-irkupru dejjiemi mill-kriżi tal-COVID-19. Il-finanzjament sinifikanti disponibbli permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jipprovdi appoġġ ewlieni għar-riformi u l-investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ – mill-infrastruttura u l-kostruzzjoni sat-taħriġ, l-apparat diġitali u l-finanzjament għal riżorsi edukattivi miftuħa.

Il-Kummissjoni se tippromwovi l-ekoloġizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-edukazzjoni biex jintlaħqu l-istandards tal-enerġija tal-lum u jitjiebu l-ispazji ħodor fil-bini tal-iskejjel. Dan imbagħad se jgħin biex jinkoraġġixxi l-interazzjoni u t-tagħlim, filwaqt li jwieġeb għad-domanda għal kompetenzi u pedagoġiji ġodda. 

Aġġornamenti reċenti

Fid-19 ta’ Frar 2021, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport “Insaħħu r-Reżiljenza Soċjali u Ekonomika fl-Ewropa billi Ninvestu fl-Edukazzjoni”. Dan id-dokument ekonomiku jiffoka fuq il-benefiċċji tal-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-Kummissjoni nediet ukoll sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess biex tifforma Grupp ta’ Esperti dwar investiment ta’ kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Il-Grupp ta’ Esperti se jwettaq analiżi fil-fond tal-evidenza eżistenti biex jidentifika għażliet ta’ politika li jsaħħu l-eżiti tal-edukazzjoni u l-inklużività, filwaqt li jtejjeb l-effiċjenza tal-infiq.

L-Unjoni Ewropea (UE) se tgħaddi aktar fondi minn qatt qabel għall-edukazzjoni u t-taħriġ matul is-seba’ snin li ġejjin. 

Il-Grupp ta’ Esperti se jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi disponibbli u jappoġġja l-iżvilupp ta’ tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza billi joħloq dokument ta’ gwida għall-Istati Membri li jipprovdi evidenza robusta dwar l-impatt, l-ispiża u l-isfidi fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika ewlenin.

Il-Grupp ta’ Esperti se jiffoka l-analiżi tiegħu fuq dawk l-oqsma li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tan-nefqa għall-edukazzjoni u li jista’ jkollhom impatt kbir fuq l-eżiti tal-edukazzjoni, notevolment:

  • għalliema u trainers:
  • immaniġġjar tal-infrastruttura tal-edukazzjoni u riżorsi fiżiċi u umani relatati 
  • edukazzjoni diġitali (infrastruttura u żvilupp tal-kompetenzi)

Kull qasam għandu jkopri l-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ – mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni għall-adulti –, u se jkun akkumpanjat minn analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji u eżami tal-implikazzjonijiet baġitarji għal kull għażla ta’ politika.

L-ewwel laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti se ssir fir-rebbiegħa tal-2021. Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hi l-20 ta’ Marzu 2021