Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali
F'Diċembru 2017, il-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea approvaw bis-sħiħ l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali. Il-ftehim jenfasizza l-importanza tad-dimensjonijiet soċjali, edukazzjonali u kulturali tal-politiki tal-UE għall-bini ta’ futur komuni Ewropew.
L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jissottolinja li:
Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza, tal-koeżjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva hi waħda mill-objettivi strateġiċi għal kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livell tal-UE. Ir-rapport konġunt tal-2015 tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ET 2020 stabbilixxa li “edukazzjoni inklużiva, ugwaljanza, ekwità, nondiskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-kompetenzi ċiviċi” huma oqsma prijoritarji għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
L-istrateġija Ewropa 2020 u l-ET 2020 stabbilixxew żewġ miri ewlenin li għandhom jitwettqu fl-Ewropa kollha sal-2020:
- ir-rata ta' dawk li jabbandunaw minn kmieni l-edukazzjoni u t-taħriġ fost dawk li għandhom bejn it-18 u l-24 sena jeħtieġ li tkun anqas minn 10%
- tal-anqas 40% tal-persuni bejn it-30-34 sena jeħtieġ li jkunu temmew xi forma ta' edukazzjoni għolja
Fil-kontribuzzjoni tagħha għas-Summit Soċjali ta’ Gothenburg, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet il-viżjoni tagħha għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Din l-inizjattiva tenfasizza l-valur ta’ edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità tajba mit-tfulija biex ikunu l-pedament għall-koeżjoni soċjali, il-mobbiltà soċjali u soċjetà ekwa.
Din il-viżjoni kellha aktar appoġġ fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-politika dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-kultura fil-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha, li ddikjarat li wieħed mill-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jeħtieġ li jkun li jappoġġja lill-Istati Membri fit-titjib tan-natura inklużiva tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.
Wara l-proposti mill-Kummissjoni, diġà ġew adottati diversi inizjattivi ta’ politika:
- Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill)
- li tippromwovi l-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (Rakkomandazzjoni tal-Kunsill)
F'Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal programm Erasmus+ ġdid, filwaqt li rdoppjat il-baġit tal-programm. Il-programm il-ġdid jippermetti liż-żgħażagħ Ewropej minn kull sfond soċjali jistudjaw, jitħarrġu u jitgħallmu barra minn pajjiżhom. Jinkludi wkoll qafas Ewropew ta’ inklużjoni u strateġiji nazzjonali ta’ inklużjoni.
Ir-rwol tal-UE fil-kisba ta’ edukazzjoni inklużiva
Il-progress tal-Istati Membri lejn it-twettiq ta’ edukazzjoni inklużiva hu mmonitorjat permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u tal-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ. Il-Monitoraġġ jipprovdi wkoll evidenza dwar ir-rwol tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.
Il-Kummissjoni qed timplimenta wkoll firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet f’dan il-qasam, fosthom:
- l-istabbiliment ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-ugwaljanza u l-valuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ
- inizjattiva li tinvolvi mudelli ta’ rwoli pożittivi biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, u biex ikunu impeduti l-esklużjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti fost iż-żgħażagħ
- sett ta’ għodod għall-ħaddiema maż-żgħażagħ li jaħdmu ma’ żgħażagħ b’riskju ta’ marġinalizzazzjoni
- il-Premju Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali permezz tal-Isport
Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jappoġġja l-inizjattivi u l-attivitajiet biex jiġu żviluppati politiki u prattiki innovattivi fil-livell bażiku li jipprijoritizzaw l-inklużjoni soċjali.
X’inhu l-pass li jmiss?
Il-Kummissjoni qed taħdem fuq l-iżviluppi li ġejjin:
- l-espansjoni tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, pjattaforma online għall-iskejjel u l-għalliema. Is-sett ta’ għodod joffri eżempji ta' prattiċi tajbin u riżorsi għall-introduzzjoni ta’ approċċi kollaborattivi fl-iskejjel biex titjieb l-inklużività u jiġu pprovduti opportunitajiet ugwali
- l-espansjoni tal-pjattaforma online tal-eTwinning, li għandha l-għan li tlaqqa’ flimkien l-għalliema u l-klassijiet fl-Ewropa kollha u li tappoġġja korsijiet ta’ taħriġ għall-għalliema dwar l-edukazzjoni fil-qasma taċ-ċittadinanza
- il-forniment ta’ inċentivi għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja sabiex jagħtu credits għall-volontarjat u għall-iżvilupp tal-kurrikuli li jikkombinaw il-kontenut akkademiku mal-impenn ċiviku
- l-implimentazzjoni tal-Korpi Ewropew ta’ Solidarjetà, inizjattiva tal-UE li toħloq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ sabiex jivvolontarjaw jew jaħdmu fuq proġetti, f’pajjiżhom jew barra pajjiżhom, li għandhom benefiċċju komunitarju jew reġjonali
- it-tnedija ulterjuri tal-Iskambju Virtwali ta’ Erasmus+ li jippermetti liż-żgħażagħ fl-Ewropa u fin-Nofsinhar tal-Mediterran jinvolvu ruħhom f’esperjenzi interkulturali sinifikanti online, bħala parti mill-edukazzjoni formali jew mhux formali tagħhom