Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali – Azzjoni 8

Jeħtieġ li ċ-ċittadini jiksbu fehim bażiku ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti, inkluża l-intelliġenza artifiċjali (IA), sabiex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod kunfidenti, kritiku u sikur magħhom.

Sensibilizzazzjoni akbar se twassal ukoll għal sensibbiltà mtejba lejn kwistjonijiet potenzjali b’rabta mat-teknoloġiji emerġenti relatati mal-etika, is-sostenibbiltà ambjentali, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza elettronika, id-drittijiet tat-tfal u d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju – inkluż il-preġudizzju relatat mal-ġeneru, mad-diżabbiltajiet, id-diskriminazzjoni etnika u razzjali.

Kull Ewropew, inklużi l-istudenti, dawk li qed ifittxu impjieg u l-ħaddiema, jeħtieġ li jkun diġitalment ikkwalifikat biex jadatta għal teknoloġiji ġodda u emerġenti u biex jirnexxi f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla.

Il-professjonisti tat-tagħlim fis-setturi kollha tal-edukazzjoni jeħtieġ li jkunu mgħammrin bil-kompetenzi u li jiżviluppaw il-kunfidenza biex japplikaw b’mod effettiv firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji, inkluża l-IA, fil-ħidma tagħhom.

Għanijiet 

Il-Kummissjoni Ewropea se taġġorna l-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali (DigComp) biex tinkludi dikjarazzjonijiet dwar il-ħiliet, l-għarfien u l-attitudnijiet relatati mal-IA u mad-data, u se tappoġġja l-iżvilupp tar-riżorsi tat-tagħlim tal-IA għall-edukazzjoni u t-taħriġ. 

L-għan hu li ċ-ċittadini kollha jingħataw is-setgħa li jsiru utenti kunfidenti, kritiċi u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali xprunati mis-sistemi tal-IA u t-teħid awtonomu tad-deċiżjonijiet, kif ukoll li jtejbu l-fehim tagħhom tal-IA, il-potenzjal u l-limitazzjonijiet tagħha. 

Attivitajiet ewlenin

  • ħolqien ta’ komunità ta’ prattika għall-iskambju ta’ materjali, id-diskussjoni fi gruppi ta’ ħidma, l-ixxerjar tar-riżorsi u l-informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi
  • ġbir, ħolqien, reviżjoni u għażla ta’ eżempji
  • organizzazzjoni ta’ żewġ laqgħat online internazzjonali fejn il-parteċipanti jaqblu u jivvalidaw id-dikjarazzjonijiet differenti ta’ ħiliet, għarfien u attitudnijiet relatati mal-IA u l-litteriżmu fid-data

Riżultati mistennija

  • il-pubblikazzjoni tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali verżjoni 2.2
  •  appoġġ għall-iżvilupp ta’ riżorsi ta’ tagħlim tal-IA għall-edukazzjoni u t-taħriġ

Kronoloġija

  • Jannar-Marzu 2021 – ħolqien ta’ Komunità ta’ Prattika, ġbir, reviżjoni u għażla ta’ eżempji 
  • April-Ottubru 2021 – ħolqien tad-dimensjoni 4 DigComp 2.2 u validazzjoni tal-qafas (Dimensjoni 4 tinkludi dikjarazzjonijiet ta’ għarfien, ħiliet u attitudnijiet ta’ kull waħda mill-21 kompetenza ta’ DigComp)
  • Ottubru-Diċembru 2021 – tlestija tal-verżjoni 2.2 ta’ DigComp 
  • Jannar-Marzu 2022 – pubblikazzjoni ta’ DigComp 2.2 

Finanzjament

Din l-azzjoni hi ffinanzjata mill-programm Erasmus+ tal-UE.

Aktar informazzjoni

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit web ta’ DigComp u ssieħeb fil-Komunità ta’ Prattika biex tappoġġja l-iżvilupp tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali. 

Tista’ wkoll tiċċekkja l-iskeda informattiva ta’ DigComp, il-fuljett u l-video li ġej għal aktar informazzjoni.

Ikkuntattjana

Jekk tixtieq tkun taf aktar dwar din l-azzjoni, tista’ tikkuntattjana b’email fuq
JRC-B4-SECRETARIAT@ec.europa.eu.

Segwi @EU_ScienceHub fuq Twitter għall-aħħar aħbarijiet u żviluppi dwar din l-azzjoni u @EUDigitalEdu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali kollu  


Immaġni tal-header: © Unjoni Ewropea, 2021.