Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027)

X’inhu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali?

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) hu inizjattiva ta’ politika mġedda tal-Unjoni Ewropea (UE) li tistabbilixxi viżjoni komuni ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli fl-Ewropa, u għandha l-għan li tappoġġja l-adattament tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri għall-era diġitali.

Il-Pjan ta’ Azzjoni, adottat fit-30 ta’ Settembru 2020, hu sejħa għal kooperazzjoni akbar fil-livell Ewropew dwar l-edukazzjoni diġitali biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet tal-pandemija tal-COVID-19, u biex jiġu ppreżentati opportunitajiet għall-komunità tal-edukazzjoni u t-taħriġ (għalliema, studenti), dawk li jfasslu l-politika, l-akkademja u r-riċerkaturi fil-livell nazzjonali, tal-UE u internazzjonali.

L-inizjattiva tikkontribwixxi għall-prijorità tal-Kummissjoni “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” u għan-Next Generation EU. Hi tappoġġja wkoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandha l-għan li toħloq Unjoni Ewropea aktar ekoloġika, aktar diġitali u reżiljenti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali hu faċilitatur ewlieni għat-twettiq tal-viżjoni tal-kisba ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025. Dan jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Soċjali Ewropew u l-“Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”.

Biex tinforma l-proposta, minn Lulju sa Settembru 2020, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika miftuħa biex tiġbor il-fehmiet u l-esperjenzi taċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kollha.

L-azzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

Il-Pjan għall-Edukazzjoni Diġitali jistabbilixxi żewġ prijoritajiet strateġiċi u erbatax-il azzjoni biex jappoġġawhom:

Prijorità 1: Trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja

X’se tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tikseb dan?

  • Azzjoni 1: Djalogu Strutturat mal-Istati Membri dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali
  • Azzjoni 2: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċi ta' tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta' kwalità għolja u inklużiva
  • Azzjoni 3: Qafas Ewropew tal-Kontenut tal-Edukazzjoni Diġitali
  • Azzjoni 4: Konnettività u tagħmir diġitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ
  • Azzjoni 5: Pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ
  • Azzjoni 6: Linji gwida etiċi għall-edukaturi dwar l-użu tal-IA u d-data fit-tagħlim u l-apprendiment

Prijorità 2: Tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali

X’se tagħmel il-Kummissjoni Ewropea biex tikseb dan?

  • Azzjoni 7: Linji gwida komuni għall-għalliema u l-edukaturi biex jitrawwem il-litteriżmu diġitali u tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ
  • Azzjoni 8: Aġġornament tal-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Diġitali biex jinkludi l-IA u l-ħiliet relatati mad-data
  • Azzjoni 9: Ċertifikat Ewropew tal-Ħiliet Diġitali (EDSC)
  • Azzjoni 10: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-għoti ta’ ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ
  • Azzjoni 11: Ġbir transnazzjonali ta’ data u mira fil-livell tal-UE dwar il-ħiliet diġitali tal-istudenti
  • Azzjoni 12: Opportunitajiet ta’ Traineeships fil-Qasam Diġitali
  • Azzjoni 13: Parteċipazzjoni tan-nisa fis-STEM
  • Iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali

Iċ-Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali

Biex tappoġġja ż-żewġ oqsma ta’ prijorità, il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju fl-edukazzjoni diġitali fil-livell tal-UE.

Għaliex hemm bżonn ta’ azzjoni?

It-trasformazzjoni diġitali biddlet is-soċjetà u l-ekonomija b’impatt dejjem aktar profond fuq il-ħajja ta’ kuljum, u wriet il-ħtieġa għal livelli ogħla ta’ kapaċità diġitali tas-sistemi u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet taċċellera x-xejra eżistenti lejn it-tagħlim online u ibridu. Kixfet modi ġodda u innovattivi għall-istudenti u l-edukaturi biex jorganizzaw l-attivitajiet ta’ tagħlim u apprendiment tagħhom u biex jinteraġixxu b’mod aktar personali u flessibbli online. B’mod parallel, l-adozzjoni tat-teknoloġiji diġitali għall-edukazzjoni żvelat sfidi u inugwaljanzi bejn dawk li għandhom aċċess għat-teknoloġiji diġitali u dawk li m’għandhomx (inklużi individwi minn sfondi żvantaġġati); u l-isfidi relatati mal-kapaċitajiet diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-taħriġ tal-għalliema u l-livelli ġenerali tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali.

Dawn il-bidliet ħtieġu sforz b’saħħtu u kkoordinat fil-livell tal-UE biex jiġu appoġġjati s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati u aggravati mill-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li tiġi ppreżentata viżjoni fit-tul għat-triq ’il quddiem għall-edukazzjoni diġitali Ewropea.

Iċ-ċifri jitkellmu wkoll waħedhom:

  • studju tal-2018 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) sab li bħala medja anqas minn 40% tal-edukaturi fl-UE kollha ħassew li kienu lesti jużaw it-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim, b’diverġenzi bejn l-Istati Membri tal-UE
  • Aktar minn terz ta’ dawk bejn it-13 u l-14-il sena li pparteċipaw fl-Istudju Internazzjonali dwar il-Litteriżmu fil-Kompjuters u l-Informazzjoni ( ICILS) fl-2018 ma kellhomx l-aktar livell bażiku ta’ profiċjenza fil-ħiliet diġitali
  • kwart tal-unitajiet domestiċi bi dħul baxx m’għandhomx aċċess għall-kompjuters u l-broadband, b’diverġenzi fl-UE kollha affettwati mill-introjtu tal-unitajiet domestiċi (Eurostat, 2019)
  • 95% tar-rispondenti tal-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali jqisu li l-pandemija tal-COVID-19 timmarka punt deċiżiv għal kif tintuża t-teknoloġija fl-edukazzjoni u t-taħriġ (Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa, 2020)

L-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) jibni fuq l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2018-2020).

Ikkuntattjana

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali hu kkoordinat mill-unità tal-Edukazzjoni Diġitali tad-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC).

Biex issir taf aktar dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, ikkuntattjana b’email fuq
EAC-DIGITALEDUCATION@ec.europa.eu.

Policy documents