Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Intejbu l-ħiliet diġitali: linji gwida dwar l-informatika u appoġġ mill-UE

Fl-Ewropa kollha, is-sistemi edukattivi qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi simili fit-tiswir tal-ħiliet diġitali u informatiċi tal-istudenti. Biex tindirizza dan, l-UE sawret linji gwida għat-tagħlim tal-informatika, biex tgħin lill-iskejjel isaħħu l-kompetenza diġitali fil-klassi. Dawn il-linji gwida huma parti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE dwar it-titjib fil-provvista ta’ ħiliet diġitali, li tistabbilixxi l-kuntest politiku estensiv.

Il-linji gwida għat-tagħlim tal-informatika: strateġiji prattiċi għall-klassijiet Ewropej

L-edukazzjoni tal-informatika ta’ kwalità għolja tgħin lill-istudenti jifhmu, jinvolvu ruħhom b’mod kritiku u jsawru t-teknoloġiji diġitali f’dinja li kull ma jmur qed tevolvi malajr.

Bħala għalliem jew edukatur, għandek rwol ewlieni fit-tiswir tal-ħiliet li l-istudenti jeħtieġu għall-istudju, ix-xogħol u l-ħajja ta’ kuljum tagħhom.

Dawn il-linji gwida jappoġġawk biex twassal tagħlim tal-informatika ta’ kwalità għolja lill-istudenti kollha, b’mod konformi mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib fil-provvista ta’ ħiliet diġitali.

Għaliex li dawn il-linji gwida huma siewja fit-tagħlim tiegħek?

Għajnuna lill-istudenti biex isawru kompetenzi diġitali essenzjali

L-informatika tiżviluppa ħiliet imħejjija għall-futur bħall-mod tal-ħsieb komputazzjonali, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività, il-ħsieb kritiku, il-kollaborazzjoni u r-raġunament loġiku. Dawn il-ħiliet jappoġġaw it-tagħlim fis-suġġetti kollha u jħejju lill-istudenti għal soċjetà li qed tinbidel malajr. Il-linji gwida jgħinuk twassal dawn il-ħiliet fil-klassi tiegħek b’mod ċar u prattiku.

Appoġġ għall-ekwità u l-inklużjoni

Il-preġudizju abbażi tal-ġeneru, in-nuqqas ta’ materjali tat-tagħlim inklussivi, u l-aċċess inekwu tal-għodod għadhom irażżnu l-parteċipazzjoni fl-informatika, speċjalment għall-bniet. Il-linji gwida jgħinuk tfassal lezzjonijiet li jinvolvu lill-istudenti kollha u jappoġġaw ħtiġijiet tat-tagħlim diversi.

Tisħiħ tal-kwalità u tal-konsistenza fl-edukazzjoni tal-informatika

Bosta għalliema jgħallmu l-informatika mingħajr taħriġ speċjalizzat jew gwida ċara. Il-linji gwida jagħtuk appoġġ strutturat, eżempji prattiċi, u riżorsi li tista’ sserraħ fuqhom biex issawwar il-kunfidenza u ttejjeb il-kwalità tat-tagħlim.

X’joffrulek il-linji gwida?

Il-linji gwida jiffokaw fuq tagħlim li jmur ‘il hinn l-ikkowdjar bażiku jew il-litteriżmu diġitali u jgħinu lill-istudenti jifhmu kif taħdem it-teknoloġija u kif jistgħu joħolqu biha.

Se ssib:

  • Ħames kapitli strutturati b’pariri prattiċi li tista’ tintegra fil-prattika tat-tagħlim tiegħek
  • Spjegazzjonijiet imsejsa fuq ir-riċerka li jappoġġaw tagħlim effettiv
  • Eżempji li jistgħu jintużaw fil-klassi nfisha u studju tal-każijiet minn madwar l-Ewropa kollha
  • Firxa estensiva ta’ riżorsi b'aċċess apert i tista’ tuża direttament fil-lezzjonijiet tiegħek

Għal min huma l-linji gwida?

Il-linji gwida jipprovdu appoġġ prattiku lill-edukaturi kollha fil- livelli tal-iskejjel primarji u sekondarji li huma involuti fit-tagħlim tal-informatika, inklużi l-edukazzjon vokazzjonali u t-taħriġ.

Sew jekk tispeċjalizza fit-tagħlim tal-informatika u sew jekk inti għalliem ġenerali li tixtieq tintegra materji diġitali fis-suġġetti tiegħek, dawn il-linji gwida se jgħinuk twassal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja fil-klassi tiegħek.

X’imissek tagħmel?

  • Uża l-linji gwida fil-klassi tiegħek
  • Aqsamhom mal-kollegi tiegħek fl-iskola fejn taħdem
  • Involvi lill-kapijiet tal-iskola, lill-ġenituri, u lill-imsieħba komunitarji

Bl-użu ta’ dawn il-linji gwida, tikkontribwixxi lejn edukazzjoni tal-informatika aktar b’saħħitha u inklussiva fl-Ewropa kollha.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib fil-provvista ta’ ħiliet diġitali

Il-progress teknoloġiku qajjem b’mod esponenzjali l-ħtieġa għall-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fil-livelli kollha fl-ekonomija u s-soċjetà kollha. Madankollu, 55,6% biss tal-popolazzjoni tal-UE tista’ twettaq kompiti diġitali bażiċi bħall-konnessjoni mal-Wi-Fi jew l-użu ta’ siti web.

Il-miri ambizzjużi stabbiliti bħala parti mill-Kumpass Diġitali 2030 u fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ jiffokaw fuq il-livell tal-ħiliet diġitali għal gruppi differenti ta’ ċittadini bħall-professjonisti li jaħdmu, l-adulti u ż-żgħażagħ.

Dawn l-inizjattivi jirrikjedu li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isaħħu l-isforzi biex jipprovdu ħiliet u kompetenzi diġitali lil kemm jista’ jkun studenti minn età aktar bikrija.

Titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali

Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill:

  • għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-Ewropej biex jiżviluppaw ħiliet diġitali bażiċi, intermedji u avvanzati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ.
  • tartikola l-passi meħtieġa biex jiġi promoss l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali minn kmieni u fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan jinkludi l-użu ta’ għodod tal-UE biex isir investiment fl-iżvilupp professjonali tal-għalliema.
  • tħeġġeġ ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar metodi ta’ struzzjoni, inkluż enfasi fuq informatika ta’ kwalità għolja fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, u ħidma mas-soċjetà ċivili u l-industrija biex jiġu żviluppati prattiki tajbin u jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ġodda u emerġenti tal-ħiliet.

Kronoloġija tal-attivitajiet ewlenin

Riżultati mistennijin

  • jikkontribwixxu għall-objettivi tal-miri tal-ħiliet diġitali tal-Kumpass Diġitali u taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi jittejbu l-livell tal-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni Ewropea, u l-bilanċ bejn il-ġeneri fost l-istudenti u l-istudenti li se jikkunsidraw karriera fis-settur tal-ICT
  • jiskatta l-iżvilupp ta’ strateġiji koerenti tal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali nazzjonali u reġjonali
  • jappoġġa lill-pajjiżi tal-UE bi gwida speċifika dwar l-informatika bħala suġġett, inklużi l-prinċipji, il-kunċetti u l-prattiki tagħha fit-tagħlim u l-apprendiment

Finanzjament

Din l-azzjoni tirċievi finanzjament: mill-programm Erasmus+ tal-UE, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, Strument ta’ Appoġġ Tekniku.

Last updated: