Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Kontenut edukattiv diġitali: linji gwida għall-għalliema u qafas għall-interoperabbiltà

Sabiex tindirizza l-isfidi attwali b’rabta mat-tranżizzjoni diġitali, l-UE tipprovdi sostenn prattiku b’linji gwida għall-għalliema u għall-edukaturi dwar il-kontenut edukattiv diġitali, u bil-qafas għall-interoperabbiltà għal apprendiment u kollaborazzjoni transfruntieri mingħajr xkiel fil-qasam tal-edukazzjoni għolja.

Għażliet meqjusin dwar il-kontenut edukattiv diġitali: il-linji gwida tal-UE għall-għalliema u għall-edukaturi

Jekk tgħallem jew taħdem fil-qasam edukattiv, regolarment tagħżel, toħloq, jew tadatta l-materjal diġitali li tuża għat-tagħlim, għall-apprendiment, u għall-valutazzjoni. Dawn ir-riżorsi — bħal-lezzjonijiet online, il-kotba diġitali strutturati tal-iskola, il-vidjos, il-mapep interattivi, il-kwiżżijiet, jew il-materjal iġġenerat bl-intelliġenza artifiċjali (IA) — huma magħrufin bħala “kontenut edukattiv diġitali”.

Il-linji gwida tal-UE dwar l-edukazzjoni diġitali jgħinuk tagħmel dan b’kunfidenza. Dawn il-linji gwida, li fassalhom grupp ta’ esperti bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, iservuk ta’ appoġġ biex tagħżel, toħloq, u tuża riżorsi diġitali li jkunu sikuri, affidabbli, u effettivi għall-apprendiment.

Il-linji gwida jwieġbu għall-isfidi tat-trasformazzjoni diġitali u jgħinuk torjenta ruħek f’xenarju ta’ edukazzjoni diġitali kumpless u li qed jikber malajr.

X’joffrulek il-linji gwida

Il-linji gwida jagħtuk qafas prattiku u flessibbli li tista’ tużah fil-kuntest individwali tiegħek. Fihom issib appoġġ f’kull stadju, mill-għażla tal-kontenut sar-rieżami tal-impatt tiegħu fil-klassi.

Se ssib:

  • definizzjoni ċara li tagħti l-UE għall-kontenut edukattiv diġitali u glossarju tat-termini ewlenin
  • gwida pass pass għall-għażla, il-ħolqien, l-adattament, u l-evalwazzjoni tal-materjali diġitali
  • eżempji prattiċi bbażati fuq sitwazzjonijiet reali fl-iskejjel
  • appoġġ biex issaħħaħ il-kompetenzi diġitali u l-iżvilupp professjonali tiegħek

Il-kriterji tal-kwalità li tista’ tapplika

Il-linji gwida jipprovdu suġġerimenti u pariri biex jgħinuk tivvaluta r-riżorsi diġitali:

  • l-allinjament mal-kurrikulu u r-rilevanza pedagoġika
  • l-impatt fuq l-apprendiment u fuq il-valutazzjoni
  • l-involviment tal-istudenti
  • l-aċċessibbiltà u l-inklużjoni
  • il-konformità legali u d-drittijiet tal-awtur
  • l-affidabbiltà u s-sigurtà
  • il-kompatibbiltà teknika
  • is-sostenibbiltà finanzjarja

Għal min qegħdin il-linji gwida

Il-linji gwida huma mfasslin prinċipalment:

  • għall-għalliema
  • għall-edukaturi, inklużi dawk li jmexxu l-iskejjel

Jistgħu jservu ta’ appoġġ ukoll għall-awtoritajiet edukattivi, għal dawk li jfasslu l-politika, għar-riċerkaturi, u għall-fornituri tat-teknoloġija edukattiva.

Il-qafas għall-interoperabbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni għolja

Il-qafas iservi bħala appoġġ għal kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet Ewropej tal-edukazzjoni għolja, speċjalment l-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, billi jagħmel il-kollaborazzjoni bejn is-sistemi diġitali tat-tagħlim u tal-apprendiment tagħhom iktar faċli. Bil-fatt li jtejjeb il-kompatibbiltà bejn is-sistemi, il-qafas jgħin lill-istituzzjonijiet jaqsmu l-informazzjoni bejniethom b’mod aktar effiċjenti u jappoġġaw esperjenzi ta’ apprendiment b’inqas xkiel.

Ġie żviluppat minn grupp ta’ ħidma taċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Diġitali, magħmul minn aktar minn 280 espert u professjonist, u jistabbilixxi standards u protokolli komuni għall-iskambju tad-data bejn il-pjattaformi tat-tagħlim u tal-apprendiment.

Il-grupp ta’ ħidma ppubblika l-qafas fi Frar 2025.

Il-kuntest politiku

L-isfidi tat-tranżizzjoni diġitali

Studju ta’ Settembru 2023 evalwa s-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kontenut edukattiv diġitali. L-istudju ppreżenta dan li ġej:

  • analiżi tal-provvista u tad-domanda
  • proposta għal definizzjoni komuni, żviluppata abbażi ta’ riċerka fil-fond, dwar bosta termini użati f’kuntesti differenti u ta’ konsultazzjonijiet mal-utenti, il-faċilitaturi, u l-kreaturi tal-kontenut edukattiv diġitali
  • identifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet pedagoġiċi, teknoloġiċi, legali, u organizzattivi
  • sfidi ewlenin fl-iżvilupp ta’ qafas ta’ kontenut edukattiv diġitali fil-livell tal-UE

Nindirizzaw dawn l-isfidi

Mill-2022 ’l hawn, il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet proċess intensiv ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati. Dan kien jinkludi laqgħat bilaterali u komunità ta’ prattika, biex jiġi żgurat li l-atturi kollha jkollhom is-sjieda tas-soluzzjonijiet proposti u li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom tkun tista’ tinkiseb.

F’Novembru 2023, il-Kunsill irrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE, il-partijiet ikkonċernati, u l-Kummissjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex jipprovdu rekwiżiti ta’ kwalità u joħolqu linji gwida għal kontenut aħjar tal-edukazzjoni diġitali. Dan għandu l-għan li jgħin lill-pajjiżi jivvalutaw u jtejbu l-kwalità, is-sikurezza, l-affidabbiltà, u l-inklużività tal-materjali edukattiv diġitali.

Kronoloġija

  • 2022-2023
    • Studju preparatorju li jikkontribwixxi għal qafas Ewropew għall-kontenut edukattiv diġitali
    • Fażi preparatorja lejn it-tnedija ta’ pjattaforma Ewropea ta’ skambju għall-edukazzjoni għolja
  • 2024-2025

    Twaqqif tal-grupp ta’ esperti dwar il-kontenut edukattiv diġitali biex jipprovdi linji gwida, rekwiżiti tal-kwalità, kriterji, u miri komuni.

  • 2024

    Preżentazzjoni tad-disinn qafas, maħluq b’mod kollaborattiv mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Interoperabbiltà fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja

  • 2025
  • 2026

    Pubblikazzjoni ta’ linji gwida għall-kontenut edukattiv diġitali (l-ewwel bl-Ingliż, imbagħad isiru traduzzjonijiet fil-lingwi kollha tal-UE)

Last updated: