Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali

Biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni politika u l-iskambju bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tranżizzjoni ekoloġika, fl-2021 il-Kummissjoni Ewropea se:

  • tressaq proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali 
  • tiżviluppa qafas ta’ kompetenza Ewropew dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli
  • tniedi l-Koalizzjoni ta’ Edukazzjoni għall-Klima

Kemm ir-Rakkomandazzjoni kif ukoll il-qafas il-ġdid għandhom l-għan li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex

  • jgħammru lill-istudenti u lill-edukaturi bl-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa biex jgħixu, jaħdmu u jaġixxu ħalli jikkontribwixxu għall-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali
  • jappoġġjaw l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jintegraw is-sostenibbiltà fit-tagħlim u l-apprendiment u fl-aspetti kollha tal-operazzjonijiet tagħhom 
  • jinkorporaw l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ kollha kemm hi

Ir-Rakkomandazzjoni, inizjattiva taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, tista’ sservi bħala punt ta’ referenza għall-Istati Membri dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jikkontribwixxu għal futur aktar ekoloġiku. 

Il-ħidma tal-Kummissjoni se tallinja mal-ħidma li għaddejja mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-2030 b’mod aktar wiesa’.

Analiżi bikrija tindika għadd ta’ oqsma ewlenin li r-Rakkomandazzjoni tista’ tindirizza

  • it-tagħlim tul il-ħajja huwa kruċjali għall-qasam multidixxiplinari u li jevolvi malajr tal-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, li jara li jagħti s-setgħa u jimmobilizza liċ-ċittadini kollha. Għalhekk, l-iżvilupp ta’ approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja lejn l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali u t-trawwim tal-kollaborazzjoni fis-setturi tal-edukazzjoni huwa essenzjali. 
  • biex l-istudenti jiżviluppaw il-kompetenzi meħtieġa għas-sostenibbiltà, huma meħtieġa l-apprendiment u t-tagħlim interdixxiplinari u parteċipatorji, il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni.
  • ir-rabta bejn it-tagħlim u l-apprendiment, l-ambjent fiżiku (tat-tagħlim), is-sħubijiet u l-komunità tappoġġja b’mod effettiv l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali billi “ngħixu dak li nitgħallmu”. L-approċċ ta’ skola sħiħa li jmur lil hinn mill-kuntest tal-klassi diġà huwa pprattikat f’xi Stati Membri, iżda għadu mhux mifrux. 

Qafas ta' kompetenza

L-għan tal-qafas ta’ kompetenza dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli huwa li jiġi stabbilit fehim kondiviż u mudell kunċettwali tal-kompetenzi li għandhom jiġu żviluppati mill-istudenti. 

Għal kull qasam ta’ kompetenza, se jiġu pprovduti livelli – li jvarjaw mill-għarfien sal-fehim u l-azzjoni. 

Id-definizzjonijiet komuni u l-linji gwida prattiċi biex jakkumpanjaw il-qafas jistgħu jappoġġjaw lill-partijiet ikkonċernati fl-edukazzjoni fl-Istati Membri biex jinvolvu lill-istudenti u lill-komunità ħalli jikkontribwixxu għall-bidliet meħtieġa għal tranżizzjoni li tirnexxi lejn in-newtralità klimatika u l-iżvilupp sostenibbli. 

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni wettaq analiżi tal-letteratura dwar il-kompetenzi tas-sostenibbiltà biex jappoġġja t-tħejjija tal-qafas. 

Limitu ta' żmien 

Bħalissa għaddejja ħidma biex titħejja l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. 

Fit-18 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tiġbor input u ideat għal proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni għas-sostenibbiltà ambjentali, biex tiġi adottata tard fl-2021.

Qed tiġi organizzata wkoll sensiela ta’ avvenimenti ta’ konsultazzjoni ma’ organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni u l-ambjent. 

Ladarba l-Kummissjoni tadotta l-proposta, din tgħaddi għand l-Istati Membri fejn se tiġi diskussa u finalment adottata mill-ministri tal-edukazzjoni fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

L-appoġġ ta’ Erasmus+ għall-edukazzjoni ekoloġika 

L-għanijiet tas-sostenibbiltà, dawk ambjentali u klimatiċi huma wkoll ċentrali għall-programm Erasmus+ il-ġdid bl-integrazzjoni ta’ prattiki ekoloġiċi preżenti fil-proġetti kollha, kif ukoll aktar appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi ekoloġiċi.