Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali

Opportunitajiet ta’ tagħlim flessibbli u inklużivi

Fis-16 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE) adotta Rakkomandazzjoni dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u l-impjegabbiltà. Ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tappoġġja l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u r-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali fl-istituzzjonijiet, in-negozji, is-setturi u l-fruntieri.

Kultura effettiva ta’ apprendiment tul il-ħajja hi essenzjali biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġ biex jirnexxi fil-ħajja personali u professjonali tiegħu.

Il-mikrokredenzjali jiċċertifikaw ir-riżultati tal-apprendiment ta' esperjenzi ta' apprendiment għal żmien qasir, pereżempju kors jew taħriġ qasir. Huma joffru mod flessibbli u mmirat biex jgħinu lin-nies jiżviluppaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu għall-iżvilupp personali u professjonali tagħhom.

Forom iqsar ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment mill-kwalifiki tradizzjonali, bħall-mikrokredenzjali, qed jiġu żviluppati b’mod rapidu fl-Ewropa kollha u madwar id-dinja. Dawn l-opportunitajiet huma disponibbli minn varjetà wiesgħa ta’ fornituri pubbliċi u privati bi tweġiba għad-domanda għal forom ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar flessibbli u ffukati fuq l-istudent. Għandhom ukoll il-potenzjal li joffru opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ lil firxa usa’ ta’ studenti, inklużi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli.

Madankollu, mingħajr standards komuni li jiżguraw il-kwalità, it-trasparenza, il-komparabbiltà transfruntiera, ir-rikonoxximent u l-portabbiltà tagħhom, il-mikrokredenzjali ma jistgħux jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.

Bini tal-fiduċja u l-flessibbiltà

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li

  • l-individwi jkunu jistgħu jiksbu, jaġġornaw u jtejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jeħtieġu biex jirnexxu f’suq tax-xogħol u f’soċjetà li qed jevolvu, jibbenefikaw bis-sħiħ minn irkupru soċjalment ġust u tranżizzjonijiet ġusti lejn l-ekonomija ekoloġika u diġitali u jkunu mgħammrin aħjar biex jindirizzaw l-isfidi attwali u futuri
  • tappoġġja t-tħejjija tal-fornituri tal-mikrokredenzjali biex itejbu l-kwalità, it-trasparenza u l-flessibbiltà tal-offerta ta’ apprendiment tagħhom biex jagħtu s-setgħa lill-individwi biex ifasslu apprendiment personalizzat u perkorsi ta’ karriera
  • trawwem l-inklużività, l-aċċess u l-opportunitajiet indaqs, u tikkontribwixxi għall-kisba ta’ reżiljenza, ġustizzja soċjali u prosperità għal kulħadd, f’kuntest ta’ bidla demografika u matul il-fażijiet kollha taċ-ċikli ekonomiċi

Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi elementi kostitwenti li jinkludu definizzjoni, elementi standard għad-deskrizzjoni tal-mikrokredenzjali, u prinċipji għat-tfassil u l-ħruġ tal-mikrokredenzjali.

B’riżultat ta’ dan, il-mikrokredenzjali jistgħu jiġu żviluppati, użati u mqabblin b’mod koerenti fost l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati u l-fornituri differenti (minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ għal kumpaniji privati) tul setturi, oqsma u fruntieri differenti. Din se tappoġġja l-bini tal-fiduċja fil-mikrokredenzjali fl-Ewropa kollha.

Ir-Rakkomandazzjoni se tappoġġja l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ mikrokredenzjali ta’ kwalità għolja u trasparenti u tiddeskrivi l-oqsma ewlenin għal azzjoni f’dan il-qasam fil-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tas-swieq tax-xogħol. Dan se jippermetti lin-nies jitgħallmu ħiliet ġodda b'mod imfassal apposta, inklużiv għal kulħadd.

L-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali hu komponent ewlieni tal-viżjoni tal-Kummissjoni li tikseb Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025.

Appoġġ tal-Kummissjoni għall-ekosistemi tal-mikrokredenzjali

Il-Kummissjoni se tappoġġja l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni billi

  • trawwem id-djalogu dwar kif jintużaw u jiġu adattati l-għodod u s-servizzi eżistenti tal-UE biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-mikrokredenzjali mit-tipi kollha ta’ fornituri
  • tappoġġja l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki
  • tesplora kif il-pjattaforma tal-Europass tista’ tappoġġja l-implimentazzjoni teknika tar-Rakkomandazzjoni
  • tagħti appoġġ finanzjarju permezz tal-programm Erasmus+

Sfond

Ir-Rakkomandazzjoni hi bbażata fuq proposta mressqa mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Diċembru 2021, li tibni fuq konsultazzjoni wiesgħa u eżerċizzji ta’ ġbir ta’ evidenza. Ir-Rakkomandazzjoni dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali ġiet adottata flimkien ma’ proposta oħra dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment fis-16 ta’ Ġunju 2022.

Iż-żewġ proposti kienu parti mit-12-il azzjoni ewlenija mħabbra fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (Lulju 2020).

Il-mikrokredenzjali jidhru wkoll fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (Marzu 2021) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 (Settembru 2020).

 

Kontenut relatat