Skip to main content

European Education Area

Quality education and training for all

Mobbiltà u Kooperazzjoni

Lejn mobbiltà u kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni għolja

Il-mobbiltà tat-tagħlim hija opportunità għall-istudenti biex jiżviluppaw ħiliet siewja u biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom billi jsiefru biex jistudjaw jew jitħarrġu. Il-benefiċċji tal-mobbiltà huma rikonoxxuti sew. Stħarriġ fost iż-żgħażagħ Ewropej bejn il-15 u t-30 sena juri li aktar minn 90% minnhom iqisu li huwa importanti li jkollhom opportunitajiet għall-esperjenzi ta’ mobbiltà. 

Il-ministri tal-UE qablu li jirduppjaw il-proporzjon ta’ studenti tal-edukazzjoni għolja li jlestu perjodu ta’ studju jew taħriġ barra l-pajjiż għal 20% sal-2020. L-appoġġ għall-mobbiltà jibqa’ l-fokus prinċipali tal-Erasmus+, il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Jekk int student lest biex taħtaf l-opportunità li tistudja jew titħarreġ barra l-pajjiż, ibda l-vjaġġ tiegħek billi tiddawnlowdja l-App Mobbli Erasmus+, il-gwida pass pass tiegħek għall-esperjenzi ta’ mobbiltà, qabel, matul u wara l-perjodu ta’ mobbiltà.

Għaliex il-mobbiltà u l-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja huma importanti?

Li tmur barra minn pajjiżek biex tistudja jew titħarreġ jgħinek tiżviluppa l-ħiliet professjonali, soċjali u interkulturali tiegħek filwaqt li żżid il-kapaċità tiegħek li ssib impjieg. L-istudenti ta’ edukazzjoni għolja li jagħmlu perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż huma aktar probabbli li jsibu impjieg sena wara l-gradwazzjoni. 

93% ta’ dawn l-istudenti jirrapportaw li għandhom apprezzament akbar għall-valur ta’ kulturi oħra wara l-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom. 91% itejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom u 80% iħossu li l-ħiliet ta’ soluzzjoni tal-problemi tagħhom tjiebu wara perjodu ta’ mobbiltà. 

Skont l-istudji dwar l-impatti tal-Erasmus+, il-benefiċċji tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni fl-Edukazzjoni Għolja fl-UE u lil hinn huma ħafna. 

L-ewwel Studju ta’ Impatt ta’ Erasmus wera li 9 minn 10 impjegaturi qed ifittxu ħiliet trasferibbli, bħas-soluzzjoni tal-problemi, il-kapaċità li wieħed jaħdem bħala parti minn tim u l-kurżità, meta jkunu qed jirreklutaw. Dawn huma l-istess kompetenzi li l-istudenti jiggwadanjaw minn esperjenza ta’ mobbiltà barra minn pajjiżhom. 

L-Istudju dwar l-Impatt tal-Edukazzjoni Għojla ta' Erasmus+ li ġie wara kompla juri l-impatt pożittiv tal-perjodu ta’ mobbiltà fuq l-istudenti. Iktar minn 70% tal-istudenti li ħadu sehem fil-programm Erasmus+ fl-imgħoddi qalu li, wara li ġew lura mill-perjodu barra minn pajjiżhom, kienu jafu iktar xi jridu jagħmlu fil-karriera tagħhom fil-futur. 80% ġew impjegati fi żmien tliet xhur mill-gradwazzjoni u 72% qalu li l-esperjenza tagħhom barra mill-pajjiż għenithom ikollhom l-ewwel impjieg tagħhom. 

Is-Sħubiji Strateġiċi ta’ Edukazzjoni Għolja tal-Erasmus+ u l-Istudju tal-Impatt tal-Alleanzi tal-Għarfien sabu li l-proġetti ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus+ jwasslu lill-maġġoranza tal-universitajiet parteċipanti imħejjija aħjar għat-trasformazzjoni diġitali. Barra minn hekk, tnejn minn kull tliet universitajiet li jieħdu sehem fil-programm qalu li l-proġetti b’dimensjoni Ewropea jikkontribwixxu biex tiżdied l-inklużjoni soċjali u biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. 

Il-mobbiltà u l-kooperazzjoni transfruntieri jistgħu jgħinu wkoll biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet billi tingħata spinta lill-ħiliet speċifiċi meħtieġa fis-suq tax-xogħol modern. Eżempju ta’ tali kooperazzjoni huwa l-inizjattiva ta’ Traineeships ta’ Opportunità Diġitali li għandha l-għan li tagħti lill-istudenti tad-dixxiplini kollha l-opportunità li jiksbu esperjenzi diġitali prattiċi. 

L-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni transfruntiera se jgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja u se jgħin biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi miksuba barra l-pajjiż.

X’qed tagħmel l-UE biex tappoġġa l-mobbiltà u l-kooperazzjoni?

Iż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja ġabet magħha tibdil estensiv li jagħmilha aktar faċli biex wieħed jistudja u jitħarreġ barra l-pajjiż: Kemm l-istruttura tal-baċċellerat-masters-dottorat kif ukoll l-avvanzi fl-assigurazzjoni tal-kwalità ffaċilitaw il-mobbiltà tal-istudenti u l-istaff u saħħew l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-edukazzjoni għolja. 

L-użu ta' għodod għall-mobbiltà u l-assigurazzjoni tal-kwalità Ewropej bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), is-Suppliment tad-Diploma u r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAR) jiffaċilita l-fiduċja reċiproka, ir-rikonoxximent akkademiku u l-mobbiltà.

Il-programm Erasmus+ jipprovdi appoġġ dirett lil min jixtieq jistudja jew jitħarreġ barra pajjiżu u lil proġetti li jrawmu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Madankollu, għad hemm iktar xi jsir biex jiġu żgurati opportunitajiet ta’ mobbiltà tat-tagħlim għal kulħadd. 

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ppubblikat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi u l-eżiti ta’ perjodi ta’ tagħlim barra mill-pajjiż.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja wkoll l-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti, li se tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni għall-istudenti, u l-ħolqien ta’ alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, li se jkollhom l-għan li jżidu l-kompetittività, il-kwalità u l-eċċellenza fit-tagħlim, ir-riċerka u l-innovazzjoni.